Lokali

Konferma li ma saritx sejħa għall-interess għas-servizz ta’ spa fuq l-Air Malta

Issa konfermata. Ma saret l-ebda sejħa għall-interess pubblika għas-servizz ġdid ta’ spa li se jibda jiġi offrut fuq ċertu titjiriet tal-Air Malta. Kien fil-ġimgħat li għaddew li l-Air Malta ħabbbret li nediet servizz ġdid ta’ spa, naturalment fl-ispazju limitat tal-ajruplan. Sar magħruf ukoll li dan is-servizz ġie fdat f’idejn Myoka Spa, il-kumpanija tal-eks Kandidata Laburista Marion Mizzi.

Minn risposti li MaltaRightNow.com irċieva għal mistoqsijiet li saru lill-Air Malta, jirriżulta filfatt li ma saret l-ebda sejħa għall-interess biex dawk il-kumpaniji interessati li jagħtu s-servizz ikunu jistgħu japplikaw biex jagħmlu dan.

Minflok, l-Air Malta qabdet u ddeċidiet favur il-kumpanija Myoka Spa, il-kumpanija tal-eks Kandidata Laburista Marion Mizzi. Marion Mizzi kienet ikkontestat l-aħħar elezzjoni ġenerali fuq żewġ distretti, it-tielet u l-ħames distrett.

Fir-risposti għall-mistoqsijiet tagħna, l-Air Malta qalet li l-ftehim mal-kumpanija Myoka Spa ifisser li din il-kumpanija tal-eks Kandidata Laburista se tkun qed tagħti dan is-servizz mingħajr ħlas biex fl-istess waqt tkun tista’ tagħmel promozzjoni tas-servizzi tagħha. L-Air Malta qalet li mhux talli l-Air Malta m’hu se tħallas xejn għal dawn is-servizzi, iżda se tkun il-kumpanija Myoka Spa li min-naħa tagħha se tkun qed tħallas kumpens kull xahar talli se tkun qed tagħmel użu mit-titjiriet tal-Air Malta biex tagħmel promozzjoni għas-servizzi tagħha.

“Kumpanija lokali ikkuntattjat lill-Air Malta u l-Air Malta laqgħet din l-inizjattiva oriġinali”

 

L-Air Malta qalet ukoll li kienet il-kumpanija ta’ Marion Mizzi stess li minn jedda resqet lejn l-Air Malta biex tibda toffri dawn is-servizzi b’xejn fuq it-titjiriet tal-Air Malta. L-Air Malta qalet li kumpanija lokali kkuntattjat lill-Air Malta u l-Air Malta aċċettat li din il-kumpanija, jiġifieri Myoka Spa, tibda toffri s-servizzi tagħha fuq it-titjiriet tal-Air Malta.

Dan jikkonferma li ma kienx hemm trattament ugwali bejn il-kumpaniji kollha f’Malta li jaħdmu f’dan is-settur. Minkejja li l-Air Malta mhux se tħallas għal dawn is-servizzi mgħotija mill-kumpanija tal-eks Kandidata Laburista, xorta waħda ma kienx hemm sejħa għal min kien interessat li joffri l-istess servizzi fuq it-titjiriet tal-Air Malta bħala promozzjoni għall-kumpanija tiegħu.