Lokali

L-AĠ qed isegwi bir-reqqa s-sitwazzjoni tal-konsorzju Electrogas

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qed isegwi bir-reqqa s-sitwazzjoni dwar il-bini tal-Power Station il-ġdida wara li l-kumpanija ewlenija tal-konsorzju Electrogas Malta, Gasol, irtira mill-konsorzju.

F’kummenti lil The Times of Malta, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li bħalissa jinsab impenjat bis-sħiħ fl-investigazzjoni dwar l-Iskandlu Gaffarena, qal li s-sitwazzjoni tal-Power Station qed tiġi segwita bir-reqqa.

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, qal li l-Oppożizzjoni se tagħti ċans lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jevalwa s-sitwazzjoni. Qal li jekk l-Awditur Ġenerali mhux se jinvestiga s-sitwazzjoni minn jeddu, l-Oppożizzjoni se tagħmel talba formali biex jagħmel dan.

L-irtirar jew it-tnehhija ta’ Gasol mill-konsorzju qed tqajjem diversi mistoqsijiet dwar kemm il-proċess ta’ due diligence kien wieħed tajjeb biex ma ndunax bil-qagħda finanzjarja mwiegħra tal-kumpanija.

F’Ottubru li għadda, il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi kien stqarr fil-Parlament li l-konsorzju kien finanzjarjament b’saħħtu u s-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji li tefgħu l-offerti kien wieħed mill-kriterji ewlenin li bihom saret l-evalwazzjoni mill-Gvern.

Il-Power Station il-ġdida kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li din kellha tinbena f’sentejn. Is-sentejn għaddew u taru mar-riħ, bħalma taret mar-riħ il-wegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li jirriżenja jekk il-proġett ma jitlestiex.