Lokali

Jittermina ż-żmien biex il-Gvern jiġġustifika l-Insib għall-Għasafar tal-Għana

Illum it-Tlieta, it-28 ta’ Lulju, jagħlaq iż-żmien li fih il-Gvern ta’ Malta jrid jissottometti l-ġustifikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea għall-ftuħ mill-ġdid tal-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana f’Awwissu 2014. Il-liġi tal-UE tipprojbixxi l-insib għall-għasafar slavaġ.
Stqarrija tal-Birdlife qalet li l-gvern diġà rċieva żewġ twissijiet formali mill-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni u jekk il-ġustifikazzjoni li ġiet sottomessa llum ma tkunx adegwata, Malta dalwaqt ikollha tiffaċċja proċeduri twal u għaljin finanzjarjament fil-Qorti Ewropew tal-Ġustizzja. Jekk jiġri hekk, ordni mill-Qorti Ewropea tista’ twassal biex l-insib ikollu jiġi sospiż sakemm jinstema’ l-każ.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Italja ddikjarat li l-insib għall-għasafar slavaġ sar illegali fil-pajjiż kollu wara li rċeviet twissijiet simili mill-Kummissjoni Ewropea. Nicholas Barbara, il-Maniġer għall-Konservazzjoni fi ħdan BirdLife Malta, ħeġġeġ lil Malta biex tagħmel l-istess u qal li l-insib tal-għasafar slavaġ, li mbagħad jinżammu f’gaġeġ mhux akbar minn kaxxa taż-żraben, qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat. Madankollu l-gvern qiegħed ikompli jiddisprezza l-liġi tal-Unjoni Ewropea, u jqiegħed lill-pajjiż f’riskju li jiffaċċja proċeduri legali twal u għaljin finanzjarjament, biex jipplaka t-talbiet tan-nassaba. Inħeġġuh biex jieħu passi issa u jwaqqaf l-insib għall-għasafar tal-għana qabel ma jirriskja li jimbarazza lil Malta quddiem il-Qrati Ewropej. Mhux vallapena li nieħdu dan ir-riskju.
Lejliet it-tieni twissija formali li ħarġet f’Mejju li għadda, il-Kumitat Ornis, l-entità li tagħti pariri lill-gvern dwar kwistjonijiet ta’ kaċċa u nsib, ħarġet rakomandazzjoni biex l-insib jerġa’ jiġi approvat għall-ħarifa li ġejja. Filwaqt li l-leġislazzjoni li tippermetti l-ftuħ tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa 2015 għadha ma ġietx ippubblikata, ‘avviż lin-nassaba’ li ġie ppublikat fil-forum tal-FKNK hu indikazzjoni ċara li l-gvern fi ħsiebu jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-insib fil-ħarifa, minkejja ċ-ċans ta’ azzjoni legali.

L-avviż, maħruġ fit-18 ta’ Lulju, jinforma n-nassaba li kif ‘ġie miftiehem mad-Dipartiment tal-WBRU, il-Wild Birds Regulation Unit’ il-proċess ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-insib issa hu miftuħ. In-nassaba jistgħu jiksbu l-liċenzja, li tippermettilhom jaqbdu 10 għasafar tal-għana minn erba’ mnasab differenti għal €55 biss.

BirdLife Malta ssottomettiet rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni ta’ Malta biex tintroduċi mill-ġdid l-insib għall-għasafar tal-għana, u li fih semmiet mhux biss kwistjonijiet ta’ konservazzjoni tal-għasafar, imma wkoll lista twila ta’ problemi prattiċi ta’ infurzar li l-awtoritajiet kellhom jiffaċċjaw tul l-istaġun, flimkien mal-impatt li l-insib għandu fuq il-kampanja u n-natura, fost raġunijiet oħra għala l-insib għandu jsir illegali darba għal dejjem.

L-avviż fuq il-forum tal-FKNK jistqarr ukoll li l-WBRU qablet li ssir reġistrazzjoni ta’ mnasab ġodda, pass li se jkollu impatt negattiv u serju fuq il-kampanja Maltija. It-tħejjija tal-imnasab tinvolvi t-tneħħija tal-veġetazzjoni kollha, spiss permezz ta’ erbiċidi qawwija, jew il-ħruq tal-art, li twassal għal telf ta’ abitati, degredazzjoni tal-ħamrija u t-telf tagħha.

“Rajna rqajja kbar ta’ kampanja maħruqa kompletament bi tħejjija għall-istaġun tas-sena l-oħra. Is-sena l-oħra, aktar minn 8,000 mansab intuża għal xahrejn u nofs sħaħ. L-impatt ta’ wħud minnhom diġà kien permanenti – li rridu nagħmlu hu li nreġġgħu lura dan l-impatt, u mhux inkabbruh,” kompla jgħid Nicholas Barbara.

Il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li ma taċċettax l-insib u li ż-żamma ta’ għasafar slavaġ għall-gost mhix raġuni valida sabiex tinkiser il-liġi tal-UE. Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, ix-xahar li għadda ddikkjara hekk: Naħseb li Malta għandha ttemm l-insib għall-għasafar tal-għana. Diġà bdejna l-proċeduri legali u Malta għandha tobdi dawn ir-regoli.”