Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes talab lill-impjegati fis-Segretarjat tiegħu biex jimlew il-fuel tal-vetturi tas-Segretarjat mill-pompa J. Gaff Service Station, propjetà tal-familja Gaffarena, involuta fl-Iskandlu ta’ Strada Zekka, fost l-oħrajn.
Iżda minkejja ċ-ċaħda tas-Segretarju Parlamentari għall-akkuża li bagħat memo b’email, is-sit elettroniku ta’ MaltaToday żvelat aktar żviluppi. Dan hekk kif issa sar magħruf li kienet persuna qrib ħafna ta’ Galdes li għadda l-messaġġ lill-impjegati tas-Segretarjat.
Mistoqsija Parlamentari kienet żvelat li, bejn Jannar u Mejju li għaddew biss, id-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Roderick Galdes nefqu aktar minn €21,300 fi fuel mill-pompa ta’ Gaffarena, b’kuntrast mal-aktar minn €26,000 li ntefqu fi fuel matul l-2014 kollha.
Fis-snin li għaddew, il-pompa tal-familja Gaffarena kienet meqjusa bħala illegali minħabba xogħlijiet infrastrutturali li sarulha u li ma kienux konformi mal-Liġi. Madankollu, meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, inħarġu l-permessi meħtieġa mingħajr ma sar l-ebda tibdil min-naħa tas-sidien tal-pompa.
Il-pompa tal-familja Gaffarena tinsab f’Ħal Qormi, li jifforma parti mis-sitt distrett, minfejn Roderick Galdes ilu jiġi elett għal dawn l-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali.
//= $special ?>