Lokali

L-Oppożizzjoni tkompli bil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Pensjonijiet

L-Oppożizzjoni kompliet b’sensiela ta’ laqgħat mas-soċjetà ċivili bl-għan li r-rakkomandazzjonijiet tagħha b’rabta mar-Riforma dwar il-Pensjonijiet ikunu bbażati fuq dak li verament għandha bżonn is-soċjetà.

L-aħħar laqgħa, qabel ma l-Ġimgħa jiġu ppreżentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Oppożizzjoni, kienet dik li x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-President tal-MŻPN Matthew Agius kellhom maż-żgħażagħ.

Fid-diskors tagħha, Paula Mifsud Bonnici spjegat li hu importanti li ż-żgħżagħ ikunu nvoluti fir-Riforma tal-Pensjonijiet għax din se taffettwa wkoll il-ġenerazzjonijiet futuri. Wissiet li fil-futur, il-Pensjoni tista’ ma sservix u ma jistax ikollna pensjonanti li qed jgħixu sitwazzjonijiet diffiċli.

Ix-Shadow Minister kompliet li f’pajjiżna għandna problema li l-anzjani Maltin isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja u għalhekk saħqet fuq il-bżonn li naslu għal sostennibbiltà fil-pensjonijiet u li jinħolqu opportunitajiet li l-anzjani jibqgħu jaħdmu.

Min-naħa tiegħu, Matthew Agius fakkar li l-MŻPN ukoll għaddej b’diskussjonijiet interni dwar din ir-Riforma, li mhux se twettaq xokkijiet fl-ekonomija għax ma tipproponix tibdil kbir. Madankollu, qal li ż-żgħażagħ iridu jħarsu lejn xi ħadd li jwettaq bidliet aktar tanġibbli biex il-kwistjoni tkun sostenibbli, inkella xi darba s-sistema mhux se tibqa’ tiflaħ lilha nnifisha.

Il-President tal-MŻPN qal li rridu bidliet ħolistici u serji, li jolqtu l-aspett soċjali, iżda wkoll jaraw li ż-żgħażagħ li llum iħallsu l-bolla ma jispiċċawx bla pensjoni u jridu jaħsbu huma.