Lokali

Mhux talli ma rċevietx it-TalLinja Card, talli rċevietha b’offiża bit-Taljan

“Wieħed ma jafx għandux jidħak jew jibki!”. Din kienet ir-reazzjoni ta’ persuna li ma’ MaltaRightNow.com stqarret kif mhux talli t-TalLinja Cards tal-membri tal-familja tagħha ma waslux fiż-żmien li kien tħabbar u anke ħafna minnhom ma jaħdmux jew ma jaħdmux sew, talli issa biha jistgħu joffenduk.

Il-mara li kkuntattjat lil MaltaRightNow.com spjegat kif bintha applikat biex ikollha TalLinja Card f’Mejju li għadda, iżda din il-Card baqgħet ma waslitx sa xahrejn wara. Wara ġimgħat sħaħ iċċempel, TalLinja Card waslet, iżda minflok kitbulha l-isem tad-dar, kitbulha offiża bil-lingwa Taljana (ritratt).

Il-mara spjegat li minflok l-isem tad-dar “Speranza” kitbulha “Stronzo”. Dan il-każ jingħaqad mal-ħafna li l-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna rċeviet u xandret fil-jiem li għaddew. Id-diversi persuni li għamlu kuntatt magħna lmentaw b’rabja għad-diżorganizazzjoni fit-trasport pubbliku u fis-sistema ta’ TalLinja Card.

Kawża ta’ dawn il-problemi, ħafna nies qed jispiċċaw iħallsu n-noll ta’ €2 għal kull vjaġġ, bil-Ministru responsabbli mit-Trasport Pubbliku, Joe Mizzi, jibqa’ sieket għall-ilmenti u r-rabja tan-nies.