Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, sar l-ewwel Mexxej Amerikan li qatt indirizza laqgħa tal-Unjoni Afrikana (UA), li hi magħmula minn 54 stat. Fid-diskors li għamel fl-Etjopja, Obama wissa li l-Afrika ma tistax tavvanza f’sitwazzjonijiet fejn il-Mexxejja jirrifjutaw li jwarrbu ladarba jiskadilhom it-terminu tal-poter.
Obama, li kien qed jitkellem fil-kwartieri ġenerali tal-UA, f’Addis Ababa, ħeġġeġ għal tmiem il-‘kankru tal-korruzzjoni’ u ddeskrivieh bħala pjaga li qed ittellef il-flus lill-proġetti ta’ kostruzzjoni.
Id-diskors kien il-qofol taż-żjara ta’ ħamest ijiem li Barack Obama kien qed jagħmel fl-Afrika u li kienet bdiet bi programm impenjattiv fil-Kenja.
Il-President Amerikan sostna, f’Addis Ababa, li l-Mexxejja Afrikani jridu jirrispettaw il-kostituzzjonijiet tagħhom u jwarrbu mill-poter ladarba jiskadilhom iż-żmien. Fl-istess ħin, irrimarka li ħadd ma għandu jkun president ta’ pajjiż għal għomru.
Obama kompla li d-demokrazija f’diversi bnadi tal-kontinent Afrikan teżisti fl-isem iżda mhux fis-sustanza, meta ssib diversi sitwazzjonijiet fejn il-ġurnalisti qed jintefgħu l-ħabs u l-attivisti qed jispiċċaw mhedda.
Meta rrefera għall-korruzzjoni, Obama qal li minħabba fiha qegħdin ‘jinxtorbu’ biljuni ta’ dollari lill-Afrika, u li dawn il-flus jistgħu jkunu investiti fil-bini tal-iskejjel u l-isptarijiet.
//= $special ?>