Qorti fil-Libja kkundannat għall-mewt lil Saif al-Islam Gaddafi, li hu iben l-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi, b’konnessjoni mad-delitti tal-gwerra li seħħew waqt ir-rewwixta tal-2011 fil-Libja. Kienu kkundannati għall-mewt ukoll tmien membri oħra tar-reġim ta’ Gaddafi, fosthom l-eks Prim Ministru Libjan Baghdadi al-Mahmoudi u Abdullah al-Senussi, li kien imexxi s-Servizzi Sigrieti ta’ Muammar Gaddafi. Is-sentenza tesiġi li dawn il-protagonisti tal-eks reġim Libjan jispiċċaw iffuċillati.
Aktar minn 30 Libjan, li kienu assoċjati ewlenin ta’ Muammar Gaddafi, għaddew minn proċess tal-Qorti u kienu akkużati li għamlu minn kollox biex irażżnu l-protesti waqt r-rewwixta storika tal-2011. Saif al-Islam ma kienx preżenti fil-Qorti u waqt il-proċess kellu jagħti x-xhieda b’sistema ta’ videolink.
Fil-preżent, Saif qed jinżamm minn eks grupp ta’ ribelli mill-belt ta’ Zintan, li ma jridux jitilquh minn taħt idejhom. Hu ilu miżmum mir-ribelli, li huma alleati tal-Gvern f’Tobruk, mill-aħħar tal-gwerra ċivili fil-Libja.
Il-Prosekuturi qalu li Saif al-Islam kien strumentali ħafna fil-pjani ta’ missieru Muammar biex jitrażżnu d-dimostrazzjonijiet ċivili kontra l-eks reġim. Dak iż-żmien, Saif ma żammx lura mill-metodi vjolenti biex jaqdi dan l-iskop. Iben Gaddafi hu mfittex ukoll mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, li tridu jwieġeb għall-akkużi rigward delitti tal-gwerra u delitti kontra l-bniedem fil-Libja.
Sadanittant, osservaturi fi Tripli qalu li Saif al-Islam se jingħata d-dritt jappella kontra l-piena kapitali.
//= $special ?>