L-Aħħar ċifri ppubblikati mill-Bank Ċentrali jikkonfermaw li t-tkabbir ekonomiku f’Malta hu l-biċċa l-kbira dovut għan-nefqa tal-Gvern, l-iktar minħabba ż-żieda fin-nefqa fil-pagi.
Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-konsum tal-Gvern żdied bi 8.3% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-istqarrija tkompli li tkabbir ekonomiku sostenibbli għandu jkun misjuq mill-intrapriża privata. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tinnota b’sodisfazzjon il-kontribut pożittiv tas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu lill-ekonomija, min-naħa l-oħra, setturi oħra, ewlenin fosthom il-manifattura u l-kostruzzjoni, huma staġnati jew saħansitra qed jiċkienu.
Il-produzzjoni industrijali rat tnaqqis tul l-2014 kollu li hi riflessjoni għat-tnaqqis fl-esportazzjoni.
L-istqarrija tkompli li l-intervent tal-Gvern fl-ekonomija hu ekwivalenti għall-intervent fl-2009, bid-differenza li dak iż-żmien kien hemm kriżi ekonomika internazzjonali filwaqt li llum, il-klima ekonomika internazzjonali hi ferm aħjar u għaldaqstant, m’hemmx ġustifikazzjoni għar-rwol ikbar tal-Gvern fl-ekonomija.
L-Istqarrija tkompli li l-pagi mal-Gvern żdiedu b’€127 miljun f’sentejn minħabba żidiet qawwija fin-numru ta’ nies li jiddaħħlu jaħdmu mal-Gvern.
Sa issa, il-politika ekonomika tal-Gvern hi bbażata fuq tkabbir ekonomiku misjuq min-nefqa pubblika. Din il-politika mhux sostenibbli u l-Gvern għandu jiffoka l-enerġija tiegħu biex jixpruna l-inizzjattiva privata, speċjalment fil-qasam tal-manifattura.
Tkabbir ekonomiku minfuħ bl-infieq tal-Gvern – PN
