Storja mhux tas-soltu mill-Qorti llum hekk kif koppja li kienet tbati mill-vizzju tad-droga u li ammettew li serqu basktijiet mill-bajjiet, għaddew minn “trasformazzjoni mirakoluża”.
Il-Maġistrat Carol Peralta faħħar lil Anthony Grech ta’ 32 sena u s-sieħba tiegħu Justine Zammit ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ li qal li rahom jinbidlu quddiem għajnejh u faħħarhom għall-impenn tagħhom biex jegħlbu l-vizzju tad-droga.
Grech u Zammit ammettew li fis-Sajf tal-2011, serqu numru ta’ basktijiet mill-bajja ta’ Kalanka f’Delimara biex jiffinanzjaw il-vizzju tad-droga. Minn dakinhar, il-koppja segwiet programmi ta’ rijabilitazzjoni u baqgħu fit-triq it-tajba.
Il-Maġistrat Peralta tahom il-liberta’ kundizzjonata u poġġiehom taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.