Lokali Parlament

Il-PM ma jagħtix informazzjoni dwar is-somma li l-BOV ħallas għall-House of Four Winds

Il-Prim Ministru għażel li ma jqigħedx fuq il-Mejda tal-Kamra l-workings kollha biex il-Gvern u l-Bank of Valletta waslu għas-somma li l-Bank ħallas sabiex ingħata titlu ta’ emfitewsi flok kera fuq il-House of Four Winds.

Mitlub iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar il-bini tal-House of Four Winds li hu okkupat mill-Bank of Valletta, il-Prim Ministru wieġeb fil-qosor li l-informazzjoni li qed tintalab tingħata f’seduta oħra.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Calus staqsa wkoll lill-Prim Ministru jgħid kemm kienet is-somma li l-Bank ħallas lill-Gvern biex inbidel it-titlu legali tiegħu fuq il-House of Four Winds.

Il-Prim Ministru kien mitlub jagħti d-data wara Marzu 2013 li l-Bank of Valletta talab lid-Dipartiment tal-Artijiet biex it-titlu ta’ kera li kellu fuq il-House of Four Winds isir wieħed ta’ emfitewsi, u jgħid ukoll meta tali talba ġiet milqugħa mill-Gvern.

Il-Prim Ministru għażel ukoll li jittardja jew jaħrab milli jwieġeb issa dwar jekk jistax jikkwota l-artiklu tal-Liġi li bis-saħħa tiegħu l-kera saret emfitewsi f’dan il-każ.