Internazzjonali

Jaħsbu li ‘Jihadi John’ qed iżomm profil baxx fis-Sirja wara li abbanduna lill-ISIS

Hemm l-indikazzjonijiet li t-terrorista brutali imlaqqam ‘Jihadi John’ ħarab mill-ISIS għaliex qed jibża li din l-entità qattiela m’għandhiex aktar użu għalih.

Numru ta’ sorsi jaħsbu li ‘Jihadi John’ — ismu proprju Mohammed Emwazi – telaq lill-ISIS ftit tal-ġimgħat ilu u llum jinsab ‘maħrub fis-Sirja’. Rapporti oħra qalu, intant, li dan it-terrorista qed jipprova jaqsam lejn ir-reġjuni tal-Afrika ta’ Fuq.

Uħud mis-sorsi sostnew li ‘l-ISIS ma kienx se jaħsbiha darbtejn biex jeħles minnu (‘Jihadi John’) f’każ li kellu jħoss li m’għandux bżonn aktar is-servizzi tiegħu.’
Għaldaqstant, issemmiet ukoll il-possibbiltà li ‘Jihadi John’ jispiċċa jsofri l-istess destin kiefer bħad-diversi vittmi tiegħu.

Jinghad li Emwazi, eksresidenti ta’ Londra li għandu 26 sena, hu mwerwer mill-pubbliċità wara li hu inkixef bħala l-qattiel mgħammad tal-ostaġġi Britanniċi u Amerikani. Hu qed jibża’ wkoll li, xi darba, se jispiċċa f’idejn il-qawwiet speċjali tal-Istati Uniti u r-Renju Unit li jinsabu fl-artijiet tas-Sirja u l-Iraq.

Dawn il-qawwiet alleati għandhom priorità partikolari – li jsibu lil ‘Jihadi John’ u jressquh għall-ġustizzja inkella joqtluh.

Jaħsbu li Emwazi – gradwat fix-xjenza tal-kompjuter li sar magħruf bħala ‘Jihadi John’ permezz tal-filmati li wrewh qed jaqta’ l-irjus ta’ vittmi innoċenti mill-Punent għall-propaganda tal-ISIS – qed jinkwieta li tilef ‘il-valur’ bħala qattiel għall-ISIS ladarba l-identità tiegħu ħarġet fil-beraħ.

M’hux eskluż, fiċ-ċirkostanzi, li Emwazi seta’ ssieħeb ma’ moviment ta’ ġellieda Iżlamiċi li hu anqas magħruf mill-ISIS u li qed ikun attiv fi bnadi partikolari tas-Sirja. Dan bl-iskop li hu iżomm profil mill-aktar baxx u ma jattirax l-attenzjoni.