Internazzjonali

Jużaw il-kompjuters tal-Parlament ta’ Londra biex jidħlu fis-siti pornografiċi

Instab li l-kompjuters għall-użu tad-deputati u l-istaff fil-Parlament ta’ Londra intużaw għall-‘accessing’ tal-websajts ristretti, fejn fuq kollox spikkaw is-siti pornografiċi.

Matul is-sena li għaddiet kienu rreġistrati 250,000 każ fejn xi ħadd ipprova jidħol fuq il-websajts pornografiċi permezz tal-kompjuters tal-Parlament. F’dawn iċ-ċirkostanzi kienet irreġistrata medja ta’ 20,000 ‘tentattiv’ fix-xahar.

F’April li għadda, kienu saru mat-42,000 ‘visit’ fil-paġni tal-Internet klassifikati bħala pornografiċi — bil-medja taqbeż l-1,300 ‘hit’, kuljum. It-tieni l-aktar xahar popolari kien Ottubru fejn kienu rreġistrati ‘l fuq minn 30,000 ‘hit’ ta’ dan it-tip.

Fis-sena 2013 kien hemm madwar 350,000 ‘hit’ għall-websajts ristretti.

Jonathan Isaby, il-Kap Eżekuttiv tat-Taxpayers Alliance fir-Renju Unit, m’għandux dubju li wħud mill-‘hits’ irriżultaw mill-‘pop-ups’ tal-kompjuter li ħadd ma jista’ jikkontrolla. Madankollu, hu xorta sorpiż ħafna bin-numru straordinarju ta’ kollegamenti (mill-kompjuters tal-Parlament) mal-websajts pornografiċi li kienu rreġistrati fl-2014.