Il-midfielder internazzjonali Malti ta’ Hibernians Bjorn Kristensen ikkonferma li hemm interess fih mill-klabb tas-Serie B fl-Italja Trapani.
Kristensen qal li sar jaf b’dan l-interess it-Tlieta u lanqas ried jemmen sakemm kien kuntattjat mit-tim manager ta’ Trapani stess. Huwa qal li jekk kollox imur tajjeb u Hibs jaċċettaw li jħalluh imur għal prova għaliex magħhom għandu kuntratt, se jkun qed imur Trapani nhar il-Ġimgħa stess.
Mistoqsi jekk jixtieq jingħaqad ma’ Trapani ż-żagħżugħ Malti qal, “Naħseb li hi ovvja. Ma naf l-ebda plejer żagħżugħ Malti li ma jridx imur jilgħab barra,” qal emozzjonat Kristensen.
Sadanittant illum mistenni jirritorna Malta l-internazzjonali Malti taċ-Champions Hibernians, Clayton Failla li fl-aħħar jiem kellu prova ma’ Hull City taċ-Championship fl-Ingilterra u ħalla impressjoni tajba ħafna tant li ż-żewġ klabbs mistenija jkomplu bin-negozjati.
Ilbieraħ Hull lagħbu kontra ċ-Champions tal-Emirati, Al-Ain fl-istadium ta’ Worgl f’Tyrol u rebħu 4-0 b’Failla jidħol jilgħab fit-tieni taqsima bħala difensur fuq il-linja xellugija.
//= $special ?>

