Lokali

L-ebda irregolarità mill-Avukat David Gonzi

L-Avukat David Gonzi ddikjara li l-kumpanija GVM hi liċenzjata skont il-liġijiet Maltin u li twettqu l-iskrutinji kollha fuq il-persuni inovluti.

L-Avukat David Gonzi għamel din id-dikjarazzjkoni fi stqarrija b’referenza għal rapport pubblikat f’The Times bit-titlu ‘David Gonzi ‘suspect’ in Mafia betting probe’.

L-Avukat Gonzi, it-tifel tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, sostna li qal li hu għandu terz fl-ishma tal-GVM Ltd u li fit-2 ta’ Diċembru 2014 kien appuntat bħala t-tielet direttur tal-kumpanija, li hi liċenzjata kompletament biex topera. Hu kompla li dan ifisser li minkejja li s-sid benefiċċjarju fiduċjarju ma jkunx magħruf mal-pubbliku, id-dettalji tal-benefiċċjarji huma disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet Maltin. Għaldaqstant, fil-każ tal-kumpaniji tal-logħob fuq l-internet id-dettalji kollha jridu jingħaddu lill-Awtorità Maltija tal-Gaming.

Fl-istqarrija ntqal li fil-każi tal-kumpaniji li jrid ikollhom liċenzja tal-gaming, l-awtoritajiet Maltin jagħmlu eżerċizzju ta’ skrutinju biex jivverifikaw li l-benefiċċjarji huma ta’ karattru tajjeb. Fil-każ tal-klijneti tal-GVM, inkluż dawk investigati, l-Awtorità tal-Gaming u l-banek tal-kumpaniji wettqu b’suċċess l-iskrutinju tad-due diligence.

GVM għamlet ukoll id-due diligence tagħha biex tassigura li l-persuni huma ta’ karattru tajjeb. Dan sar billi ntalbu l-passaporti tal-azzjonisti, provi tal-indirizz residenzjali kif ukoll kopji tal-kondotti tal-pulizija.

Gonzi sostna li sa’ mill-ewwel kuntatt tiegħu f’Ottubru 2013 u sa’ minn meta laħaq direttur f’Diċembru 2014 ma kien hemm l-ebda raġuni biex ikun hemm suspett li l-kumpaniji msemmija fl-investigazzjoni kienu involuti f’xi attività llegali f’Malta jew x’imkien ieħor.

Kien fuq dan il-bażi li l-kumpaniji involuti kienu aċċettati bħala klijenti ta’ GVM. L-Avukat David Gonzi qal li s’issa l-awtoritajiet Taljnai ma kellmuhx. Hu qal li diġà ħa l-passi neċesssarji biex jipprovdi l-informazzjoni lill-awtoritajiet Maltin, inkluż l-MFSA u t-Taqsima tal-Analiżi Finanzarja (FIAU). L-Avukat Gonzi kompla li se jkun qed jikkomunika mal-Pulizija biex jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu.

F’dan l-istadju, sostna l-Avukat Gonzi, ir-rapport imħejji mill-awtoritajiet Taljani hu fattwalment inkorrett għaliex ma tirrikonoxxix li GVM hi liċenzjata. F’dokument ta’ 770 paġna kien mistenni li d-dikajarzzjonijiet ikunu sostanzjati b’xi forma ta’ evidenza, li minnha m’hemm xejn. Fil-verità r-rapport stess jikkonkludi li jeħtieġ issir iktar invstigazzjoni u li l-każ jiddependi minn iktar investigazzjonijiet.