Sport Waterpolo

Neptunes iwieġbu lil San Ġiljan

Minn Stewart SAID

Neptunes Grimaldi…………..7
Sliema Frank Salt……………..6

(3-0), (2-1), (1-2), (1-3)

Neptunes Grimaldi ħadu li kellhom bżonn mill-partita meta għelbu lir-rivali antiki Sliema Frank Salt 7-6 biex reġgħu jinsabu żewġ punti taħt San Ġiljan u jistennew il-konfront ta’ nhar is-Sibt b’ħerqa, konfront li jista’ jagħti direzzjoni fejn jista’ jmur il-kampjonat.

Sliema bdew ħażin u kien biss fl-aħħar żewġ sessjonijiet li lagħbu l-logħob tagħhom filwaqt li għal darba oħra fallew fil-man-ups meta skorjaw tnejn minn seba’. Minn naħa l-oħra Neptunes li hu familjari ma’ dawn it-tip ta’ logħbiet strieħu fuq il-gowls tal-barranin u Steve Camilleri biex kisbu rebħa importanti mingħajr ma brillaw.

Iċ-Champions fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni b’gowls tas-soliti Krapic, Biros u Steve Camilleri. Neptunes saħansitra għamlu l-iskor 5-0 fit-tieni sessjoni sakemm Sliema skorjaw l-ewwel gowl tagħhom minn Bodegas.

Sliema naqqsu l-marġni għal żewġ gowls minn Attard u Bodegas iżda Krapic għamel l-iskor 6-3 mill-viċin. Minkejja li Gabarretta naqqas il-marġni, Steve Camilleri għamel l-iskor 7-4. Sliema pruvaw l-aħħar tentattivi u rkupraw b’żewġ gowls li iżda ma kinux biżżejed biex isalvaw xi ħaġa mil-logħba.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, L. Calleja, M. Stellini, T. Agius, I. Krapic (2), S. Camilleri (3), J. Camilleri, M. Castillo, P. Biros (2), B. Lanzon, S. Xerri de Caro, C. Mercieca

Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta (1), K. Dowling, T. Sullivan, M. Meli, J. Soler, M. Spiteri Staines, N. Bugelli, J. Brownrigg, M. Bodegas (3), A. Attard (1), N. Dedovic, M. Fenech (1)
Referees: Massimo Angileri, Daniele Bianco