Michel Platini kkonferma li se jkun kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-FIFA tas-sena d-dieħla.
Il-leġġenda Franċiża u ta’ Juventus ilu tmien snin President tal-UEFA sa minn meta ħa post Lennart Johansson u issa se jipprova jieħu post Sepp Blatter għall-ogħla kariga tal-FIFA.
F’ittra mibgħuta lill-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-Assoċjazzjonijiet membri tal-FIFA, u pubblikata fuq il-websajt tal-UEFA, Platini qal, “Din kienet deċiżjoni personali meħuda b’reqqa u konsiderazzjoni kbira. Waħda li fiha wżint tajjeb il-futur tal-futbol flimkien mal-futur personali. Kont ukoll iggwidat mill-istima, l-appoġġ u l-inkoraġġiment qawwi li ħafna minnkom urejtuni.
“Fil-ħajja hemm mumenti fejn trid tieħu d-destin f’idejk. Ninsab f’wieħed minn dawk il-mumenti deċiżivi, f’salib it-toroq ta’ ħajti u avvenimenti li qed jibdlu l-futur tal-FIFA.
“Matul l-aħħar 50 sena, il-FIFA kellha biss żewġ presidenti. Din l-istabbilità estrema hi paradossali f’dinja li rat tibdil qawwi fi sport li għadda minn bidla ekonomika konsiderevoli. Madankollu dak li seħħ dan l-aħħar ġiegħel lill-FIFA taqleb il-paġna u tanalizza l-istil ta’ tmexxija tagħha.
“Qed nibbaża fuq l-appoġġ tagħkom u l-imħabba komuni li għandna lejn il-futbol. Flimkien nistgħu nagħtu lill-għexieren ta’ miljuni ta’ partitarji, il-FIFA li jridu, FIFA eżemplari, magħquda u li turi solidarjetà. FIFA li hi rispettata, maħbuba u tan-nies,” qal Platini.
Ix-xahar l-ieħor Blatter ħabbar li kien se jtemm ir-renju tiegħu u Platini li għandu 60 sena mill-ewwel kien fost il-favoriti li jeħodlu postu.
Rapporti t-Tlieta kienu qed jgħidu li Platini kellu l-appoġġ tal-Ewropa, l-Amerika t’Isfel (CONMEBOL), L-Amerika ta’ Fuq, Ċentrali u l-Karibew (CONCACAF) u l-Ażja (AFC). L-elezzjoni se ssir fis-26 ta’ Frar.
Intant iċ-Chairman tal-FA tal-Liberja, Musa Bility ukoll se jikkontesta l-kariga u qed jgħid li hu l-favorit għaliex għandu l-appoġġ tal-kontinent Afrikan.
Intant sigħat biss wara li ħabbar li se jikkontesta l-elezzjoni, Platini kien kritikat minn dawk li jistgħu jkunu rivali tiegħu għall-kariga.
Il-Prinċep Ali Bin al-Hussein li wkoll jista’ jkun kandidat, qal li Platini “mhux tajjeb għall-FIFA u li l-partitarji u l-plejers tal-futbol jimmeritahom aħjar.”
Ali li kkontesta lil Blatter fl-aħħar elezzjoni ħareġ stqarrija li fiha ddikjara l-pjani tiegħu u talab li tieqaf “il-prattika ta’ manuvri minn taħt il-mejda”.
“Dak li hu ċar hu li l-FIFA trid tmexxija ġdida, indipendenti u li mhux imċappsa mal-prattiċi tal-passat.”
//= $special ?>

