Internazzjonali

Rapporti li nqatel il-kap tat-Taliban

Il-Gvern Afgan qed jinvestiga rapporti li ħarġu lbieraħ li kien inqatel il-Mullah Omar, il-kap tat-Taliban. Dan kien persuna misterjuża li ftit li xejn qatt dehret fil-pubbliku u wisq anqas hemm ritratti tiegħu.
Din mhix l-ewwel darba li kien hemm għajdut li l-Mullah Omar miet u fil-fatt, hemm sorsi li jsostnu li miet sentejn ilu imma t-Taliban qed jgħid li hu għadu ħaj. Madankollu, din id-darba r-rapporti dwar il-mewt tiegħu qed jittieħdu b’aktar serjetà minn qatt qabel.
L-għajdut kien imsaħħaħ minn rapporti fil-Pakistan li l-Mullah Mohammad Yaqoub, it-tifel ta’ 26 sena tal-Mullah Omar, kien maqbud f’tilwima mal-Mullah Akhtar Mansoor, għat-tmexxija tat-Taliban.
Dan hekk kif fil-ġranet li ġejjin kellhom jibdew taħditiet ta’ paċi bejn il-Gvern Afgan u t-Taliban u li l-Mullah Omar qal li kien jaqbel magħhom.
Il-Mullah Omar kien qrib ħafna ta’ Osama bin Laden qabel l-invażjoni tal-Afganistan fl-2001.