Lokali

Att erojku minn tifel li salva tarbija f’Għawdex; jappellaw għal rikonoxximent

Mijiet ta’ persuni ingħaqdu b’vuċi waħda biex jifirħu lit-tfajjel ta’ 10 snin minn Għawdex li lbieraħ kien involut f’att erojku f’Marsalforn.

Dan hekk kif azzjoni fil-pront min-naħa tat-tifel wasslet biex ġiet salvata tarbija li kienet f’riskju li tegħreq.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10.30 ta’ filgħodu fil-bajja ta’ Marsalforn, meta tarbija żelqet minn idejn persuna li kienet qed iżżommha hi u tiela’ s-sellun. Jirriżulta li dan seħħ peress li saqajn il-persuna weħlet b’mod li l-persuna tilfet il-bilanċ u t-tarbija waqgħet ġol-baħar.

Iżda l-azzjoni tat-tfajjel kienet pronta malli dan sema’ l-għajjat għall-għajjut tal-persuna li kienet qed iżżomm it-tarbija. Hu minnufih mar fil-post fejn irkupra t-tarbija, bir-riżultat li ma baqgħetx iktar f’riskju li tegħreq.

Ma’ MaltaRightNow.com tkellmu diversi persuni li kienu fil-post meta seħħ l-inċident. Huma faħħru l-azzjoni tat-tifel li kienet kruċjali biex ġiet salvata l-ħajja tat-tarbija.

“Nispera li t-tifel jingħata midalja tad-deheb wara dan l-att!” – qarrejja ta’ MaltaRightNow.com

Intant, mijiet ta’ persuni oħra fuq il-midja soċjali faħħru l-azzjoni tat-tfajjel u qed isejjħu biex jingħata rikonoxximent għall-att erojku li wettaq.

“Well done to this boy. He should be named as he was brave” – qarrejja ta’ MaltaRightNow.com

Fuq il-paġna ta’ MaltaRightNow.com fuq Facebook kienu l-mijiet ta’ persuni li mhux biss awguraw lit-tfajjel, iżda esprimew xewqa li jkunu jafu min hu t-tifel. Uħud anke saħqu li t-tifel għandu jingħata xi tip ta’ rikonoxximent.