Lokali

Attivita’ b’risq istituzzjonijiet filantropiċi

Il-Fondazzjoni San Pietru se torganizza ġita bid-dgħajsa minn Buġibba sal-Port tal-Birgu sabiex jinġabru fondi għall-ħidma tal-istess Fondazzjoni.

Din l-għaqda tqassam ħut b’xejn lil numru ta’ istituzzjonijiet filantropiċi. Mill-2004, fuq perijodu ta’ 10 snin, diġa’ tqassmu aktar minn 47,000kg ta’ ħut frisk.

Fost l-istituzzjonijiet li bbenefikaw hemm Dar il-Kaptan, id-Dar tal-Providenza, is-Sorijiet Franġiskani, il-Fondazzjoni San Jeanne Antide, it-tfal ta’ Fra Diegu, il-Fondazzjoni Arka u oħrajn.

L-attivita’ bid-dgħajsa mill-Fondazzjoni San Pietru se ssir is-Sibt 8 t’Awwissu abbord l-MV Europa II. Id-dgħajsa titlaq minn Buġibba fis-6:30pm, u se tieqaf fil-port tal-Birgu fejn hemmhekk wieħed ikollu l-possibilta’ li jgawdi l-logħob tan-nar tal-festa ta’ San Lawrenz.