Il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, wissa li r-Renju Unit m’għandux jinbidel f’xi zona ta’ protezzjoni għall-immigranti li qed jippakkjaw l-inħawi ta’ Calais, fi Franza. It-twissija ngħatat wara li mijiet ta’ immigranti illegali qed jippersistu bl-isforzi tagħhom biex jaqsmu lejn ir-Renju Unit, hekk kif aktar minn 3,500 qed jippruvaw jidħlu fit-terminal taċ-Channel Tunnel minn fejn jgħaddu l-vetturi tal-merkanzija.
Il-Pulizija Franċiża, l-Erbgħa billejl, eskortat mijiet ta’ immigranti lil hinn mit-terminal. Dan wara t-tielet lejla ta’ attentati mill-immigranti biex jidħlu fil-mina.
Jidher li l-immigranti li qed jippakkjaw Calais u l-inħawi tal-madwar huma determinati li jaqsmu lejn ir-Renju Unit akkost ta’ kollox, minkejja l-aħħar taħditiet, f’Pariġi u Londra, dwar l-implimentazzjoni tal-aħjar metodi tas-sigurtà mad-daħla tat-terminal u dwar l-istazzjonar mill-ġdid tal-pulizija għal kontra l-irvellijiet.
L-attentati tal-immigranti qed ikomplu minkejja l-mewt ta’ raġel, li jaħsbu li kien immigrant mis-Sudan, li spiċċa mgħaffeġ minn trakk nhar it-Tlieta. Fl-aħħar xahar mietu disa’ persuni li ppruvaw jaqsmu illegalment miċ-Channel.
Meta tkellem waqt żjara fil-Vjetnam, David Cameron sostna li l-Franċiżi bagħtu mal-120 pulizija addizzjonali lejn Calais u li r-Renju Unit qed jinvesti fl-ilqugħ u s-sigurtà f’dawn iċ-ċirkostanzi inċerti. “Se jsir minn kollox biex naċċertaw is-sigurtà mal-fruntieri tar-Renju Unit u biex il-Britanniċi jserrħu rashom li jistgħu jmorru għall-btajjel tagħhom,” saħaq il-Prim Ministru Britanniku.
Cameron, iżda, ammetta li s-sitwazzjoni hi waħda delikata waqt li timponi sfida kbira, minħabba l-gruppi kbar tan-nies li qed jaqsmu l-Mediterran biex isibu ħajja aħjar.
Għaldaqstant, hu għamilha ċara li l-immigranti illegali se jitneħħew mir-Renju Unit biex in-nies ikunu jafu li l-pajjiż ma jservix bħala zona ta’ protezzjoni għal immigranti ta’ dan it-tip.
Cameron iwissi dwar Calais
