Lokali

Filmat minn drone: Ix-xogħol fi Triq il-Kosta għadu lura

Hekk kif Transport Malta ħabbret li nhar il-Ġimgħa se tiftaħ mill-ġdid parti minn Triq il-Kosta, filmat minn drone ta’ Dr. Drone turi kif ix-xogħol f’din it-triq għadu lura ħafna.

Il-filmat, li ttieħed ilbieraħ wara nofsinhar, juri biċ-ċar kif karreġġjata minnhom għadha biss ġebel u żrar filwaqt li n-naħa l-oħra jonqosha saff ieħor tarmak b’postijiet minnha fejn it-tappieri għadhom ogħla mil-livell tat-triq.

L-għeluq sħiħ ta’ din it-triq fl-eqqel tas-Sajf fl-aħħar jiem wasslet għal konġestjoni sħiħa tat-traffiku bil-konsegwenza li l-inħawi tal-madwar spiċċaw kollha ġġammjati.