Internazzjonali

Jikber l-għadab għall-Amerikan li qatel iljun magħruf

Dentist li qatel iljun fiż-Żimbabwe jista’ jiffaċċja prosekuzzjoni fl-Istati Uniti, b’konnessjoni mal-kaċċa illegali għal ta’ annimal protett.
L-iljun maqtul kien jismu ‘Cecil’ u l-uffiċjali mal-US Fish and Wildlife Service u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali qed jeżaminaw l-ilment ta’ Betty McCollum, membru tal-Kungress mal-Partit Demokratiku, fl-Istat ta’ Minnesota.
Id-dentist, Walter Palmer, ġej minn Minnesota (fir-ritratt bin-nuċċali ma’ annimal ieħor li qatel) u l-ilment ta’ McCollum qed jittieħed b’serjetà kbira, tant li hemm ċans sostanzjali li Palmer jitressaq il-qorti.
McCollum talbet lill-uffiċjali biex jaraw jekk Palmer kisirx il-liġijiet Amerikani b’mod li wassal għal ‘kumplott’, jew tixħim ta’ uffiċjali barranin u sehem fil-kaċċa illegali.
“Li tikkaċċja u toqtol annimal mhedded, bħal dan l-iljun Afrikan, bħala sport ma jissejjaħx kaċċa iżda turija ta’ krudeltà li tqanqal sens ta’ għajb,” sostniet McCollum.
Hi qalet li se taħdem mal-kollegi għat-tfassil tal-liġijiet li jipproteġu annimali ikoniċi u mhedda madwar id-dinja biex ma jispiċċawx vittmi ta’ ‘sport hunting’ barbaru.
Fl-aħħar jiem, in-nies ipprotestaw kontra l-aġir ta’ Walter Palmer billi ħallew sinjali u ġugarelli tal-annimali quddiem il-klinika ta’ dan id-dentist.
Ir-reazzjoni għall-qtil ta’ ‘Cecil l-Iljun’ ġejja min-naħat opposti tal-ispettru politiku, b’Newt Gingrich, eks-Speaker Repubblikan fil-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikani isejjaħ għal azzjoni kontra Palmer u kull min issieħeb fil-kaċċa għall-iljun fiż-Żimbabwe.