Minkejja l-pjan ta’ tiġdid tal-flotta, il-linja tal-ajru tgħid li se ġġorr l-istess ammont ta’ passiġġieri
Il-pjan ta’ tiġdid tal-flotta tal-Air Malta se jiffranka €41 miljun lil-linja tal-ajru tul il-ħames snin li ġejjin.
Dan joħroġ minn kalkoli li għamlet l-Air Malta u li ġew ippreżentati lill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti ta’ Malta (MHRA) fl-aħħar jiem. Il-kalkoli juru kif il-pjan ta’ tiġdid se jiffranka lil-linja tal-ajru €8.2 milun fis-sena waqt li l-Air Malta xorta se ġġorr l-istess ammont ta’ passiġġieri.
“L-użu tal-ajruplan hu indikatur tal-prestazzjoni ewlieni fl-industrija. Minħabba li l-ajruplani jiswew ħafna biex tikrihom, iktar ma jintużaw ikbar ikun ir-redditu. Ma jagħmilx sens li tħalli assi li tant jiswew flus weqfin fix-xitwa għal aktar minn nofs il-ħin,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef fi stqarrija.
Hu kompla li l-iffrankar annwali ta’ €8.2 miljun hu l-ikbar bidla sinifikanti li tista’ tgħin lil-linja tal-ajru ma tagħmilx telf waqt li żied jgħid li diġà sar pass ewlieni ’l quddiem f’dan il-proċess importanti hekk kif ħafna kuntratti diġà ġew negozjati mill-ġdid.
Is-CEO tal-Air Malta fakkar li l-kompetituri tal-Air Malta jeċċellaw fl-utilizzazzjoni tal-flotta, b’linji tal-ajru bħall-EasyJet u r-Ryanair itajru kull wieħed mill-ajruplani tagħhom massimu ta’ bejn 15 u 16-il siegħa, meta mqabbel mal-Air Malta, li fl-eqqel ta’ Awwissu ttajjar l-ajruplani tagħha għal 12-il siegħa kuljum.
Il-pjan il-ġdid tal-Air Malta hu li jiżdied l-użu massimu tal-ajruplani għat-titjiriet għal 14-il siegħa kuljum kull ajruplan, filwaqt li l-linja nazzjonali tal-ajru tkompli ttajjar l-istess ammont ta’ passiġġieri, u potenzjalment saħansitra aktar.
Dan ma jfixkilx it-traffiku massimu tas-sajf minħabba li ajruplani addizzjonali jistgħu jinkrew għal xahar f’Awwissu jekk il-flotta normali ma tlaħħaqx mal-kapaċità miżjuda.
“Illum għandna flotta li tlaħħaq b’mod ġeneruż fil-perjodu tas-sajf, madankollu qegħdin nitilfu l-profitti kollha tagħna fix-xitwa meta ma jkollniex bżonn ta’ flotta kbira. Jeħtieġ bidla b’mod urġenti tal-mudell biex noħolqu flotta li tkopri ħafna mis-sena, bil-potenzjal li tiżdied il-kapaċità skont il-bżonn.
Dan jiffranka l-flus mingħajr ma jkollu impatt negattiv fuq kwalunkwe aspett ieħor tal-operazzjoni, għajr li kulħadd fl-Air Malta jeħtieġ li jaħdem b’mod effiċjenti,” qal il-Kap Uffiċjal Finanzjarju tal-Air Malta Klaus Gossler.
“Jekk ma nimplimentawx din il-bidla malajr kemm jista’ jkun, l-Air Malta tagħmel it-telf u ma jirnexxilhiex taqleb il-folja kif mixtieq,” temm jgħid Gossler.
//= $special ?>

