L-eks Spettur Daniel Zammit ġie nvestigat għar-rabta li għandu mal-familja Gaffarena
Il-kuntatti u l-interessi personali tal-Ispettur Daniel Zammit mal-Familja Gaffarena poġġewh f’kunflitt serju ta’ interess minħabba li fl-istess ħin kien il-Prosekutur fil-kawża kontra Steve Caruana – ir-ragel ta’ bint Joe Gaffarena – li kien akkużat bil-qtil ta’ Neville Baldacchino.
Din kienet waħda mill-konklużjonijiet ewlenin fir-Rapport tal-Inkjesta tal-Imħallef Michael Mallia dwar l-operat tal-Ispettur tal-Pulizija Daniel Zammit. Fir-rapport tiegħu, l-Imħallef Michael Mallia jispjega li sitt xhur wara d-delitt f’Ħal Qormi, l-Ispettur Daniel Zammit li kien qed jinvestiga l-każ, xtara biċċa art fil-Baħrija mingħand Alfred Chircop, li għandu rabtiet qawwija mal-Familja Gaffrena.
Fir-rapport tiegħu, l-Imħallef Michael Mallia jispjega lil Joe Gaffarena bħala “karattru dubjuż, b’fedina penali kopjuża, prinċipalment fejn jirrigwardja ksur tar-regolamenti u dispożizzjonijiet dwar il-bini u l-kostruzzjoni”. Bir-relazzjoni tiegħu mal-Familja Gaffarena fl-istess żmien li kien qed jinvestiga d-delitt li fih kien involut ir-raġel ta’ bint Gaffarena, ikompli l-Imħallef Michael Mallia, Daniel Zammit kiser f’żewg modi l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Fir-rapport tiegħu, Michael Mallia jispjega kif l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ kienu kompromessi mill-Familja Gaffarena, li waslet fil-post qabel il-Pulizija, li l-investigazzjonijiet twalu bla bżonn u li saħansitra s-sit fejn sar id-delitt twaqqa’ u minfloku ttellgħet blokka appartementi.
Ir-rapport tal-Imħallef Mallia jitfa’ dawl ukoll fuq il-ħbiberija ta’ Daniel Zammit u ħuh Roderick ma’ Hugo Chetcuti, li l-Imħallef Mallia jispjegah ukoll bħala “karattru dubjuż b’fedina penali ferm kopjuża, prinċipalment bi ksur kontinwu u regolari tar-regolamenti dwar l-użu u ż-żamma ta’ stabbilimenti ta’ divertiment f’Paceville”.
Jirriżulta li Daniel Zammit saħansitra organizza birthday party għal ħuh fil-villa li Chetcuti għandu fil-Madliena, bl-Imħallef Mallia jgħid li dan l-aġir ipoġġi liż-żewġ Spetturi obbligati lejn Chetcuti. Fir-rapport tiegħu, l-Imħallef Michael Mallia juri wkoll kif Roderick Zammit kien daħal bħala azzjonist f’kumpanija li toffri servizzi finanzjarji fl-istess żmien li kien stazzjonat fl-Economic Crimes Unit.
Min-naħa l-oħra, ir-rapport juri wkoll kif fl-istess żmien li kien Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Ray Zammit daħal f’negozju mal-Familja Gaffarena mingħajr ma talab permess lill-Kummissarju u lanqas lis-Segretarju Permanenti … u dan bi ksur tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku. Fl-ittra tiegħu lill-Prim Ministru, l-Imħallef Michael Mallia rrakkomanda lill-Avukat Ġenerali biex jibda proċeduri kriminali kontra Daniel Zammit, kif ukoll li għandhom jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-Ispettur Roderick Zammit.
Sadanittant, fi żvilupp ieħor, fi stqarrija permezz tal-Avukat tiegħu, Hugo Chetcuti ddikkjara li hu qatt ma ntalab jixhed fl-Inkjesta, kif ukoll li ħadd qatt ma talbu l-fedina penali tiegħu. L-istqarrija ssejjaħ il-kummenti tal-Imħallef Mallia dwar il-karattru ta’ Chetcuti bħala “barra minn lokhom, bla bażi, gratuti u malafamanti”. B’referenza għall-birthday party li sar fil-villa ta’ Chetcuti, l-istqarrija tgħid li dan sar fi propjetà privata u għaldaqstant ma ntalabx ħlas.
//= $special ?>

