L-Oppożizzjoni, permezz ta’ ittra mibgħuta llum, talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga numru ta’ dettalji b’rabta mal-Power Station il-ġdida tal-Electrogas li hija mibnija fuq il-wegħda politika ta’ Joseph Muscat. L-iżviluppi li ħarġu fl-aħħar ġimgħat, fosthom il-garanzija statali, kif ukoll li l-konsorzju li ntgħażel biex jibni l-Power Station inbidel, iqajjmu bosta dubji dwar dan il-proġett, liema dubji wasslu biex l-Oppożizzjoni titlob lill-Awditur Ġenerali jwettaq investigazzjoni dettaljata dwar il-proċess intier marbut ma’ din il-Power Station.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco, mix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi Tonio Fenech.
Tonio Fenech qal li dan il-proġett mhuwiex wieħed normali, iżda wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru f’pajjiżna fl-aħħar snin. Hu għalhekk, sostna Tonio Fenech, li hu kruċjali li l-investigazzjoni tkun waħda dettaljata, u dan peress li l-poplu Malti u Għawdxi għandu kull dritt ikun jaf jekk flusu hux se jkunu qed jintefqu b’mod tajjeb jew le. Hu sostna li minkejja li l-Oppożizzjoni ilha aktar minn sentejn tinsisti mal-Gvern dwar il-vijabilita’ ta’ din il-Power Station, issa huwa aktar ċar minn qabel – bl-aħbar tal-garanzija statali u l-fatt li nbidel il-konsorzju – li l-proċess seta’ kien ivvizjat mill-bidu sal-aħħar.
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni ilha minn Ottubru tas-sena li għaddiet li ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern li l-Gasol, il-leading partner tal-konsorzju Electrogas Malta, għandha problemi finanzjarji, u dan wara li l-Awdituri tal-istess kumpanija kkummentaw dwar dan. Huwa ġibed l-attenzjoni għall-prinċipji ta’ governanza tajba u due diligence li għandu jkun hemm fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex ikun żgurat li kumpaniji la huma falluti, la f’riskju ta’ falliment u lanqas ma jqumu dubji dwar is-saħħa finanzjarja tagħhom. F’dan id-dawl, Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tqajjem numru ta’ mistoqsijiet, uħud minnhom anke legali, dwar kemm kienet possibli li l-konsorzju jibdel il-partners tiegħu u dwar liema proċedura ntużat biex il-kumpanija Gasol tkun tista’ tiġi rilaxxata mill-obbligi li kellha bħala l-leading partner tal-konsorzju Electrogas Malta.
Claudio Grech tkellem dwar l-aspett tal-garanzija statali li ta l-Gvern biex il-konsorzju jikseb self mingħand il-Bank of Valletta. Hu fakkar li din il-garanzija statali nżammet moħbija mill-poplu Malti u Għawdxi, tant li kellha tkun The Sunday Times of Malta li tiżvela din l-aħbar tant importanti. Punt importanti li għandu jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali, sostna Claudio Grech, huwa l-fatt li din il-garanzija statali ma ssemmiet fl-ebda ħin fis-sejħa għall-interess, u jekk dan sarx b’dannu għal kull kumpanija oħra li setgħet kienet interessata biex titfa’ l-offerta tagħha. Claudio Grech irrefera wkoll għall-fatt li l-Gvern stess ammetta li din il-garanzija statali hija bla preċedenti, u li jekk jingħataw dettalji dwarha, jista’ jkun hawn taqlib ekonomiku fil-pajjiż.
Marthese Portelli spjegat kif l-Oppożizzjoni għandha dubji kbar dwar kemm il-poplu Malti u Għawdxi verament għandu bżonn din il-Power Station. Hi fakkret li qabel l-aħħar elezzjoni, Joseph Muscat kien ta’ kuljum jgħid li biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma hemm bżonn li tinbena din il-Power Station. Madanakollu, issa, l-istess Muscat qed jgħid li diġa’ raħsu l-kontijiet u dan minkejja li l-Power Station għadha ma bdietx taħdem. “Dan kollu jagħti x’jifhem li l-vera raġuni tat-traħħis fil-kontijiet mhix il-Power Station iżda proġetti oħra, fosthom l-interconnector ma’ Sqallija u l-Power Station tal-BWSC,” qalet Marthese Portelli.
//= $special ?>