Lokali

Mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fi djamanti jgħaddu b’mod illegali minn Malta 

Ritratt: Il-Kap tal-mafja Messicati Vitale li hu meqjus bħala wieħed mill-iktar perikolużi u kien qed juża Malta għat-traffikar tad-djamanti

Pajjiżna għal snin sħaħ serva bħala t-triq tan-nofs minn fejn għaddew b’valur ta’ biljuni ta’ ewro fi djamanti mill-Afrika lejn l-Ewropa, f’operazzjoni llegali mmexxija mill-mafja, b’mod speċjali l-kap ta’ Cosa Nostra Antonino Messicati Vitale.

Dan il-boss, li ġie arrestat is-sena li għaddiet, hu meqjus bħala wieħed mill-iktar kapijiet influenti fi Sqallija u kien imexxi l-komun ta’ Villabate, fil-Provinċja ta’ Palermo, fejn kien igawdi minn rispett imma kien inissel ukoll biża’. Dan għaliex jingħad li għalih li joqtol lill-avversarji tiegħu kienet komuni u faċli ”daqs li kieku jpejjep sigarett.”

blood_diamonds

Wara l-arrest tiegħu bdew sensiela ta’ investigazzjonijiet, fost l-oħrajn mill-IRPI, proġett ta’ ġurnaliżmu investigattiv fl-Italja, li wassal biex inxteħet dawl fuq il-ħidma tal-Cosa Nostra fis-suq tad-djamanti fl-Afrika.

Imma din l-investigazzjoni żvelat ukoll fatt inkwetanti għal pajjiżna. Minn Malta kienu qed jgħaddu mijiet ta’ kilogrammi fi djamanti mhux maħduma f’operazzjoni mmexxija mill-istess Messicati Vitale.

Dawn id-djamanti huma magħrufa bħala ‘Blood Diamonds’, għaliex id-djamanti li għaddew minn Malta kienu ġejjin miż-żona magħrufa bħala Marange, fiż-Żimbabwe.

F’Marange wieħed isib minjieri kbar ta’ djamanti li bejn l-2006, meta skadew id-drittijiet fuq il-minjieri għall-familja De Beers, fost il-produtturi ewlenija tad-djamanti fid-dinja, u l-2008 kienu okkupati minn eluf ta’ ċittadini foqra li kienu qed ifittxu dawn id-djamanti biex jakkwistaw xi ħaġa tal-flus u jkollhom biex jgħixu.

Imma l-President tal-pajjiż Robert Mugabe nduna bil-potenzjal ekonomiku ta’ dawn il-minjieri u lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2008 beda l-operazzjoni Hakudzokwi, li bil-Malti tfisser ‘M’intix se Tirrotorna’ fejn ordna armata ta’ 1,500 suldat, armati b’armi awtomatiċi u ħelikopters military, biex jeliminaw liċ-ċittadini u jiksbu kontroll assolut tal-minijieri.

Is-suldati obdew. Iċ-ċittadini sfaw maqbuda fil-minjieri u seħħ massakru li dam għaddej ġimgħa u wassal għall-qtil ta’ mijiet ta’ ċittadini. Dan wassal biex il-Kimberly Process tan-Nazzjonijiet Uniti mpona projbizzjoni fuq il-bejgħ tad-djamanti minn Marange.

pix 10

Ritratt: Il-President Mugabe ordna massakru biex jeħles mill-persuni kollha li kienu fil-minjieri

Din kienet l-opportunita’ perfetta biex f’Jannar 2011 il-kap tal-mafja Messicati Vitale żar iż-Zimbabwe flimkien ma’ kuġinuh Salvatore Ferrante Jr u grupp ta’ bankiera Żvizzeri u Bulgari biex akkwista djamanti għall-valur ta’ miljun karat minn dawn il-minjieri, kollha mħallsa bi flus kontanti.

Il-ftehim sar bejn il-grupp Zimgroup, magħmul minn grupp ta’ negozjanti tad-djamanti miż-Zimbabwe, u Ingroup, iffurmat minn investituri internazzjonali li kien juża kumpanija bbażata f’Malta biex id-djamanti jinbiegħu fuq is-suq Ewropew.

Minħabba li l-Kimberly Process kien jipprojbixxi l-bejgħ fuq livell internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma miż-Zimbabwe, Ingroup, li warajh kien hemm il-mafja Taljana, laħaq ftehim biex jiġu pproċessati 30,000 karat ta’ djamanti kull xahar.

Il-mafja Taljana rnexxielha tinfiltra s-suq tad-djamanti billi nħabbet u qarrqet b’Louis Petrus Liebenberg, li dak iż-żmien kien meqjus bħala negozjant ewlieni fis-suq tad-djamanti fl-Afrika t’Isfel, kif ukoll sid ta’ numru ta’ konċessjonijiet f’dan is-suq.

pix 2

Ritratt: Louis Petrus Liebenberg – negozjant ewlieni fis-suq tad-djamanti fl-Afrika t’Isfel li spiċċa mqarraq mill-mafja

Għalhekk il-mafja bagħtu lil Giuseppina biex tinħabb ma’ Liebenberg fi żmien meta dan kien għaddej minn żmien diffiċli u minn proċess ta’ divorzju li kien se jiswieh ħafna flus.

Giuseppina, magħrufa aħjar bħala Pina, ikkonvinċiet lil Liebenberg biex jaqleb l-assi tiegħu kollha f’isimha biex b’hekk martu suppost ma kienx ikollha x’titolbu. Liebenberg aċċetta, u Pina u l-familja tagħha saru sidien ta’ kumpaniji li jaħdmu fid-djamanti, kif ukoll dgħajjes, apparat u annimali li kellu, inkluż madwar 2,000 baqra u żwiemel, fosthom tat-tiġrija li kienu fost l-iktar prestiġġjużi u ta’ valur fl-Afrika t’Isfel.

Liebenberg saħansitra għadda l-kuntatti l kellu lill-familja ta’ Pina biex b’hekk issa kienet iktar faċli li din il-familja tibda l-kummerċ fid-djamanti.

Meta l-kap tal-mafja Antonino Messicati Vitale żar Marange biex ikun involut direttament f’dan il-kummerċ u minn fejn xtara miljun karat djamanti, Pina ntroduċietu ma’ Liebenberg.

Għaż-Zimbabwe hi xi ħaġa komuni li wieħed jixtri ammonti enormi ta’ djamanti bi flus kontanti, u faċli ħafna li wieħed jitlaq mill-pajjiż bihom b’kollox, u jgħaddi d-dwana u l-uffiċjali tal-immigrazzjoni bla inkwiet ta’ xejn għaliex jingħad li l-militar tal-pajjiż hu nvolut.

Filfatt f’Jannar 2011 Messicati Vitale ħareġ mill-pajjiż bi djamanti b’valur ta’ bejn €60 miljun u €400 miljun li llum jinsabu mifruxa fis-suq Ewropew wara li għaddew ukoll minn Malta.

B’hekk il-Cosa Nostra, li kienet qed tiffinanzja dawn l-operazzjonijiet bi flus li ġew minn vjolenza, qtil, drogi, estorsjoni u kull tip ta’ attivita’ illegali oħra, kienu qed jassiguraw industrija li trendi sew waqt li bnew konnessjonijiet fil-Congo, l-Afrika t’Isfel, l-Angola u ż-Zimbabwe.

Sa dan iż-żmien Liebenberg kien għadu ma ndunax li kien qed jiġi użat, u li l-flus mid-djamanti kienu qed imorru f’kumpanija ġdida tal-mafja, minflok dawk li qabel kienu tiegħu.

Ġara iżda li f’Marzu 2011 għaddas għereq waqt li kien qed ifittex għad-djamanti għal waħda mill-kumpaniji tal-mafja. Kien hawn li Liebebrg keċċa lil Alberto Ferrante, wieħed mill-membri tal-familja tal-mafja li kien inkarigat biex jipprovdi sistemi ta’ protezzjoni għal ħajjet l-għaddasa.

Imma Liebeberg ammetta li dan kien l-iżball ta’ ħajtu għaliex kif keċċa lil Alberto, il-mafja daret kollha kontrih biex tipproteġi li wieħed minn tagħha u l-mira ewlenija kienet li Liebeberg jiġi eliminat. Filfatt hu ġie eskluż minn kull laqgħa dwar il-ħidma fis-suq tad-djamanti.

Din il-kwistjoni wasslet biex Pina u Liebeberg temmew ir-relazzjoni tagħhom fil-bidu tal-2012. Imma f’Mejju tal-istess sena Pina ħallietu jżurha f’appartament li qabel kien tagħhom it-tnejn. Hemm kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin u waqt li Liebeberg kien qed jinħasel, Pina sejħet lill-Pulizija u akkużat lil Liebeberg li kien abbuża minnha.

Liebeberg spiċċa arrestat għal ħdax-il ġurnata u fl-istess żmien il-mafja ħadulu d-djamanti minn safe li kellu fl-uffiċċju, kif ukoll dokumenti ta’ ftehim dwar l-assi tiegħu. Liebeberg ma kien fadallu xejn, lanqas ir-recordings tal-laqgħat li kienu saru matul is-snin.

Hu beda jiġi mhedded ukoll, u jgħid li għadu jiġi mhedded b’ħajtu sa llum-il ġurnata minħabba li fittex bil-Qorti lil Pina u l-familja Ferrante talli qarrqu bih u ħadulu dak kollu li kellu. Il-każ għadu għaddej u Liebeberg qed jittama li jirkupra l-assi tiegħu mill-ġdid.