Filmat
“Din ma kienet xejn ħlief opra ta’ karita’”. Kien b’dan il-mod umli li bih Karl Curmi fisser l-esperjenza ta’ jumejn ilu, fejn f’att erojku, salva tarbija ta’ ftit xhur li kienet qed tegħreq f’Marsalforn.
F’kummenti esklussivi ma’ MaltaRightNow.com, b’tant kariżma u umilta’, Karl irrakkonta l-istorja li fl-aħħar sigħat wasslet biex it-tifel kiseb ammirazzjoni kbira mill-pubbliku għal mod kif aġixxa meta tarbija ta’ ftit xhur kienet se tegħreq fil-bajja ta’ Marsalforn. Wara dan l-episodju, mijiet u eluf ta’ Maltin bdew jappellaw biex it-tfajjel jingħata rikonoxximent.
Aqra iżjed: Mijiet ta’ Maltin jappellaw biex it-tfajjel jingħata rikonoxximent.
L-inċident seħħ meta n-nanna tat-tarbija żelqet hi u nieżla sellum li jagħti għall-baħar b’mod li saqajha weħlu bejn l-iskaluni. It-tarbija, li kienet f’idha waqgħet fil-baħar u bdiet tegħreq.
Karl irrakkonta li kien f’dan il-mument li sema’ l-għajjat għall-għajnuna meta telaq kollox minn idu u qabeż il-baħar bil-ħwejjeġ b’kollox!
It-tfajjel irrakkonta li t-tarbija kienet diġa niżlet sew taħt il-livell tal-baħar, iżda bi sforz irnexxielu jtella’ t-tarbija sakemm ġew jassistuh xi persuni oħra inkluż familjari li kien magħhom.
Kemm in-nanna tat-tarbija kif ukoll it-tarbija kellhom jittieħdu l-isptar fejn għadhom qed jirkupraw mill-inċident sfortunat li seħħ.
Bi tbissima fuq wiċċu, it-tfajjel qal li jħossu kburi li għamel opra ta’ karita’ filwaqt li appella lil kull min ikun f’sitwazzjoni simili biex jagħmel l-istess.
Fuq il-midja soċjali, mijiet ta’ persuni fl-aħħar sigħat faħħru l-kuraġġ tat-tfajjel u ssuġġerew li jingħata rikonoxximent. Dwar din ir-reazzjoni qawwija min-naħa tal-pubbliku, ir-reazzjoni innoċenti u umli ta’ Karl kienet waħda: “jagħmlu huma, jiena kull m’għamilt opra ta’ karita’”
Ma’ MaltaRightNow.com tkellmu ukoll il-ġenituri ta’ Karl. Kburin b’binhom, il-ġenituri spjegaw kif omm it-tarbija li Karl salva ċemplet imbikkma biex tirringrazzjahom tal-opra ta’ karita’ li Karl għamel mat-tarbija tagħha.
Fil-kummenti tagħhom il-ġenituri ammettew li ma kienux qed jistennew din ir-reazzjoni tant qawwija mill-pubbliku. B’għajnejhom jixgħelu għal kuraġġ ta’ binhom u bi tbissima fuq wiċċhom, il-ġenituri ta’ Karl spjegaw li s-surmast tal-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, magħrufa bħala ‘Our Happy School’, saħansitra se jagħmel ‘assembly’ speċjali fl-ewwel jum tal-iskola!
U jekk fuq naħa waħda kien hemm kliem ta’ tifħir għal mod kif aġixxa Karl, fuq in-naħa l-oħra hemm il-ħajja tat-tarbija li ġiet salvata mill-għarqa. Minkejja li t-tarbija kellha tiddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-attenzjoni medika, jidher li t-tarbija issa tinsab f’kundizzjoni stabbli.
//= $special ?>

