Ambjent Lokali Saħħa

Avviż biex is-sajjieda ma jużawx palm bil-Bumunqar Aħmar

Il-friegħi tal-palm li s-sajjieda jużaw bħala mezz biex jinqabdu l-lampuki għandu jkun nadif mill-Bumunqar Aħmar.

Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qal dan f’avviż għas-sajjieda hekk kif l-istaġun tal-lampuki jinsab fil-qrib. Id-Direttorat qal li l-palm użat għandu jkun ħieles minn kull sintomu assoċjat mal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Dan bil-għan li tkompli titnaqqas il-firxa ta’ dan l-insett.

Malta, bħal pajjiżi oħra fil-Mediterran, għandha problema bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm, li jtaqqab il-palma u jista’ joqtolha fi ftit żmien. Id-Direttorat qal li għaldaqstant huwa importanti li min juża friegħi tal-palm għas-sajd għandu jiżgura li dawn jiġu minn palm mhux infettati bil-Bumunqar Aħmar.

Id-Direttorat qal ukoll li l-friegħi għandhom jinqatgħu qosra kemm jista’ jkun biex jitnaqqas is-sors ta’ infestazzjoni li normalment ikun fil-parti t’isfel tal-fergħa. Il-qtugħ ta’ friegħi għandu jkun segwit bi trattamenti preventivi kontra l-Bumunqar Aħmar tal-Palm billi jintużaw taħlita ta’ insettiċidi li jgħattu l-ferita fil-palma, minħabba li l-Bumunqar Aħmar tal-Palm iħobb ibid f’qatgħat friski fil-palma.

Min-naħa l-oħra, il-palma li minnha ttieħdu l-friegħi għandha tkun trattata b’insettiċida adattata. Dan it-trattament għandu jkun ripetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex is-siġra tkun protetta bl-aħjar mod possibbli. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-palma magħrufa bħala ‘Canary Palm’, peress li hija waħda mill-iktar speċi li tista’ tiġi attakkata mill-Bumunqar l-Aħmar.