Fil-media tal-Costa Rica bħalissa qed jiġi rappurtat li persuna mill-Venezwela li xtrat passaport Malti ġiet arrestata għax allegatament kellha x’taqsam ma’ delitt li seħħ fuq persuna mill-Kolombja.
Dan il-każ qed jitfa’ dubji serji fuq l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija mill-Gvern Laburista u ħafna kkummentaw li stejjer bħal dawn xejn ma jawguraw tajjeb għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ta’ pajjiżna. B’mod partikulari jqajmu dubji fuq is-serjetà tas-sistema ta’ due diligence li suppost li qed issir fuq il-persuni li qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.
Quddiem dan kollu, ħafna bir-raġun qed jistaqsu jekk hux qed tkun ipperikolata s-sigurtà ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti minħabba li ħadd ma jaf min qed jixtri ċ-ċittadinanza tagħna u m’aħniex inkunu nafu jekk dawn il-persuni humiex kriminali jew le.
Jekk dan il-każ żvelat mill-media tal-Costa Rica hu minnu, wieħed jibda jitħasseb serjament kemm id-due diligence qed isir bir-reqqa kollha kif kien imwiegħed il-poplu Malti meta kienet introdotta l-ligi tal-bejgħ tal-passaporti f’pajjiżna.
(Ritratt: Il-post qrib San Josè – il-belt kapitali tal-Costa Rica – fejn allegatament twettaq id-delitt li fih kien involut raġel mill-Venezwela li xtara ċ-ċittadinanza Maltija)
//= $special ?>