Il-ħtieġa ta’ azzjonijiet solidali u kollettivi mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, quddiem l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa, kienu elenkati mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta ndirizza l-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda Ewropea tal-Istudenti Demokratiċi (EDS).
Simon Busuttil tkellem dwar l-isfidi li għandha quddiemha l-Ewropa u semma’ l-immigrazzjoni, it-terroriżmu u l-bidliet fil-klima bħala tliet sfidi ewlenin li qed jeffettwaw lill-Ewropa u l-mod kif din topera.
Dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hi sfida li l-pajjiżi kollha jridu jifhmu li hi waħda kollettiva. Minkejja li l-Unjoni Ewropea ħadet passi pożittivi ‘l quddiem, fir-realtà ma kienx hemm l-inizjattivi meħtieġa.
Dwar it-terroriżmu, Simon Busuttil qal li dan illum sar pjaga sofistikata, li qed issir saħansitra minn individwi weħidhom. Kompla li l-problema hi li l-pajjiżi qed jaġixxu wara li jkunu seħħew it-traġedji, iżda mhux qabel. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu deċiżjonijiet iebsa u qawwija kontra t-terroriżmu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-isfida tal-bidla fil-klima, fejn spjega kif din qed iġġib bidliet demografiċi b’effetti fuq il-bniedem.
Quddiem dawn l-isfidi kollha, hu appella għas-solidarjetà bejn il-pajjżi u qal li jekk l-Unjoni Ewropea trid issolvi dawn il-problemi, jeħtieġ ikun hemm azzjonijiet ta’ solidarjetà u li l-ebda pajjiż ma jitħalla waħdu.
//= $special ?>