Ambjent Lokali

Il-Front Ħarsien ODZ itenni l-oppożizzjoni għal kull żvilupp fiż-Żonqor

Il-Front Ħarsien ODZ tenna l-oppożizzjoni tiegħu għal kull żvilupp propost f’Żonqor Point jew f’xi sit ieħor ‘il barra miż-żoni ta’ żvilupp.

Fi stqarrija, il-Front qal li bħala parti mill-politika ta’ trasparenza li jħaddan, il-Front qed jibgħat il-kummenti tiegħu għal Social Impact Assessment dwar il-possibbiltà li l-American University tiftaħ kampus fil-Kottonera.

Il-Front Ħarsien ODZ issottometta l-fehmiet tiegħu dwar il-proposta li kampus isir fil-Kottonera wara li ntalab jagħmel dan minn kumpanija privata, imqabbda mill-Gvern biex tħejji Social Impact Assessment dwar din il-proposta.

Il-Front qal li qed jilqa’ kull proposta li l-kampus jiġi żviluppat f’binjiet eżistenti jew artijiet diġà żviluppati, filwaqt li insista għal trasparenza sħiħa. Sejjaħ lill-Gvern jippubblika kull studju u ftehim relatat mal-iżvilupp tal-kampus minn Sadeen Construction Group.

Bħala parti mill-politika ta’ trasparenza li jemmen fiha, il-Front ippubblika wkoll il-korrispondenza mal-kumpanija ingaġġata mill-Gvern dwar din il-proposta.