Lokali

Il-każ tat-tarbija salvata: Is-servizz ta’ lifeguards f’Għawdex jibda tard

Persuni jappellaw biex fl-eqqel tas-sajf, is-servizz ta’ lifeguards jingħata fuq perjodu itwal ta’ ħin

Filwaqt li diversi persuni faħħru l-impenn ta’ lifeguards li inzertaw kienu fil-bajja ta’ Marsalforn, mijiet qed jappellaw biex il-ħin li fih jiġi offrut is-servizz ta’ lifeguards f’Għawdex jiġi estiż.

Dan hekk kif minn riċerka li għamel MaltaRightNow.com jirriżulta li s-servizz ta’ lifeguards f’ċertu bajjiet f’Għawdex jibda ferm aktar tard mill-ħin li fih jibda l-istess servizz f’bajjiet oħra f’Malta.

Dan wara li lbieraħ, MaltaRightNow.com xandar intervista esklussiva, fejn it-tfajjel Karl tkellem għall-ewwel darba fil-pubbliku dwar dak li seħħ meta salva tarbija li kienet se tegħreq f’Marsalforn.

Ara l-intervista sħiħa mat-tfajjel billi tagħfas hawn.

Kienet l-azzjoni fil-pront min-naħa ta’ Karl li wasslet biex ġiet salvata ħajja ta’ tarbija ta’ ftit xhur li kienet f’riskju li tegħreq u tmut. Dan wara aċċident li fih, il-persuna li kienet qed iżżomm it-tarbija żelqet hi u nieżla l-baħar. Saqajha nqabdu bejn l-iskaluni tas-sellum u ma setgħetx taqlagħha fil-ħin biex tmur tirkupra t-tarbija li kienet waqgħet il-baħar.

Fil-każ tat-tfajjel Karl li salva tarbija mill-għarqa, l-inċident seħħ f’xi ħin bejn l-10.30 u l-10.45 ta’ figħodu. B’xorti tajba, il-lifeguards li kellhom jibdew ix-xift tagħhom fil-11 ta’ filgħodu inzertaw kienu diġa waslu u mill-ewwel taw l-ewwel għajnuna kemm lit-tarbija kif ukoll lin-nanna tat-tarbija li wkoll sofriet xi ġrieħi minħabba l-aċċident.

F’Marsalforn, il-bajja fejn seħħ dan l-aċċident, is-servizz ta’ lifeguards jibda fil-11 ta’ filgħodu. Dan ifisser li f’din il-bajja, dan is-servizz jibda siegħa u kwart aktar tard mill-ħin li fih jibda s-servizz ta’ lifeguards f’Malta. Madanakollu, b’xorti tajba, il-lifeguards kienu diġa bdew jaslu fil-ħin li seħħ l-inċident u setgħu joffru l-assistenza tagħhom wara l-att erojku ta’ Karl.

Is-servizz ta’ lifeguards jingħata minn kumpaniji privati wara tender li jinħareġ mill-Gvern. It-tender maħruġ mill-Gvern ikun jinkludi l-ħinijiet u l-ġranet li fih irid jingħata s-servizz.

Wara li MaltaRightNow.com ippubblika din l-istorja, diversi persuni li għamlu kuntatt ma’ dan is-sit, saħqu li fl-eqqel tas-sajf, is-servizz ta’ lifeguards għandu jingħata minn kmieni filgħodu sa’ tard billejl minħabba l-ammont iktar qawwi ta’ nies li jmorru l-baħar.