L-Ambjent, l-Edukazzjoni u l-mod kif qed imexxi l-Gvern kienu fuq l-aġenda tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’laqgħa li kellu mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).
Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cahia u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li l-politika tal-Gvern u l-insistenza li jdaħħal l-Avviż Legali 150 wasslu biex il-pajjiż tilef il-kunsens nazzjonali li kellu f’settur daqstant importanti.
Simon Busuttil qal li l-Opppożizzjoni qed tgħid dan b’dispjaċir għax temmen li l-kunsens nazzjonali fl-Edukazzjoni hu mill-aktar fundamentali. Madankollu, kien il-Gvern li baqa’ għaddej b’Avviż Legali li se jbaxxi l-krtierji tal-Edukazzjoni f’Malta. Sostna li l-politika tal-Gvern se twassal biex tintilef il-fiduċja fl-entitajiet edukattivi fil-pajjiż, bil-konswegwenza li se jknu effettwati negattivament l-istudenti.
Dwar l-Ambjent, il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ l-kwistjoni taż-Żonqor, fejn qal li l-għaqdiet ambjentali ngħaqdu mas-soċjetà ċivili biex jopponu l-qerda ta’ dan il-post.
Min-naħa tagħha, il-President tal-KSU Becky Micallef qalet li l-Kunsill hu konxju tal-aspetti ambjentali u edukattivi tal-pajjiż. Hu għalhekk li t-Tlieta li ġej se jorganizzaw attività fiż-Żonqor, bit-tama li tinħoloq kuxjenza dwar is-sbuħija tal-post.
Dwar l-Avviż Legali 150, il-President tal-KSU qalet li wara konsultazzjonijiet li għamel, il-Kunsill oppona l-pożizzjoni tal-Gvern biex jonqsu l-kriterji edukattivi għall-ftuħ ta’ Universitajiet ġodda f’Malta.
//= $special ?>