Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, laqqa’ l-kumitat għall-emerġenzi magħruf bħala ‘Cobra’ fil-konfront tal-kriżi tal-immigranti li ddominat l-inħawi ta’ Calais, fi Franza.
Waqt din il-laqgħa, f’Londra, Cameron insista li s-sitwazzjoni tal-immigranti mhix aċċettabbli anki jekk qed jistenna li l-emerġenza għandha ġġebbed fit-tul – almenu sal-aħħar tas-sajf.
Il-laqgħa saret sigħat wara li l-immigranti fl-inħawi tat-terminal tal-Eurotunnel f’Calais wettqu lejl ieħor ta’ inċidenti (ir-raba’ wieħed konsekuttiv).
Madankollu, Cameron qal li r-Renju Unit qed jikkonfronta l-kriżi b’determinazzjoni meta jaf li jridu jistinkaw aktar biex tinstab soluzzjoni. Hu ħabbar li se jintbagħat aktar materjal għal-ilqugħ u klieb imħarrġa (sniffer dogs) lejn Calais biex jgħinu fl-impenji għall-kontroll, filwaqt li tiżdied il-preżenza tal-iskwadri tal-UK Border Force fi Franza.
Cameron, f’dawn is-sigħat, kellu jitkellem mal-President Franċiż, Francois Hollande, dwar iċ-ċirkostanzi f’Calais. Intant, hu rringrazzja lill-Franċiżi talli issa pprovdew aktar pulizija għas-sit tal-Eurotunnel u li jidhru li qed iħallu effett.
Filwaqt li l-immigranti qed jinsistu biex jaqsmu min-naħa ta’ Calais lejn ir-Renju Unit, l-awtoritajiet Britanniċi qed jagħmlu minn kollox biex itaffu l-problemi kbar għat-traffiku li qed jinġabar f’Kent, fir-Renju Unit, man-naħa l-oħra tal-Eurotunnel.
//= $special ?>