Il-Ministru għall-Ambjent taż-Żimbabwe qalet li d-dentist Amerikan li qatel iljun waqt kaċċa f’dan il-pajjiż Afrikan għandu jkun estradit biex jiffaċċja l-akkużi.
Il-Ministru Oppah Muchinguri sostniet li pajjiżha qed jinsisti għall-estradizzjoni tad-dentist, Walter Palmer, biex hu jinżamm kontabbli għall-azzjoni illegali tiegħu.
Hu mifhum li Palmer, li ġej minn Minnesota, kien ħallas madwar $50,000 biex jikkaċċja għall-iljun, li hu magħruf bħala ‘Cecil’.
Il-każ qajjem kontroversja kbira, u d-dentist jista’ jgħaddi minn proċess fl-Istati Uniti b’konnessjoni ma’ kaċċa illegali għal annimal protett.
Ir-reazzjoni għall-qtil tal-iljun tant kienet qalila – l-aktar permezz tal-kampanji fuq l-internet – li Palmer kellu jagħlaq il-prattika tad-dentist f’Minneapolis wara li ssemma bħala ‘l-kaċċatur ta’ Cecil’.
Il-White House ta’ Washington qal li għandu jirrevedi petizzjoni pubblika għall-estradizzjoni tad-dentist wara li aktar minn 100,000 iffirmaw din il-petizzjoni. Madankollu, hu d-dipartiment tal-ġustizzja Amerikan li jrid iwieġeb għal kwalunkwe direttiva għall-estradizzjoni.
//= $special ?>