Nisimgħu kemm-il darba li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ser ikun imniżżel fl-istorja bħala l-aħjar kabinett li qatt kellna, imma għar-raġunijiet il-ħżiena. Kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetti ewlenin ikunu nvażati b’rapporti li jikxfu skandli kontra skandli li lkoll għandhom il-piż u r-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru.
Ħa nkun moħħi magħluq għal darba u naġixxi bħall-Gvern u niġġustifika dan kollu. Madankollu, ma nistax niġġustifika t-trattament tal-edukazzjoni li l-Gvern qiegħed jimminimah. Ftit ġranet ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, b’referenza għall-vot dwar l-Avviż Legali 150 – Avviż Legali li jiffavorixxi lill-Kumpanija tal-Kostruzzjoni Ġordaniża sabiex tkun tista’ teqred art verġni u fuqha tibni Università għall-interess Nazzjonali – wera kemm għall-Partit Nazzjonalista, l-edukazzjoni kienet u tibqa’ prijorità, anke jekk mill-Oppożizzjoni. Fid-diskors passjonat tiegħu Simon Busuttil litteralment talab lill-Gvern biex ma jibqax għaddej minn fuq il-ħtieġa li jkollna assigurazzjoni ta’ edukazzjoni ta’ livell għoli minħabba li l-ħsara li din l-azzjoni ta’ Gvern li ma jinterssahx mill-ġenerazzjonijiet li telgħin imma jinteressah biss mil-lum u mill-but, sejra tkun irreparabbli, l-aktar l-aktar wara snin twal li fihom amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti ħadmu qatigħ sabiex Malta tikseb fama internazzjonli u rikonoxximent serju f’dak li huwa l-livell terzjarju lokali.
L-argumenti tal-Kap fil-parlament jixhdu interess nazzjonali biex Malta ma terġax tgħaddi minn kontroversji li jfakkruna fis-snin sebgħin u l-bidu tat-tmeninijiet. Madankollu, dan il-Gvern qiegħed juri kemm mill-imgħoddi baqa’ ma tgħallem qatt.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jirrimarka kif l-istess Ministru Evarist Bartolo li fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Alfred Sant kien naqqas l-istipendji, issa ser ikun qiegħed iġorr fuq spalltu responsabbiltà li jakkredita istituzzjoni edukattiva b’università li tmur kontra wieħed mill-aktar dokumenti fundamentali li fassal is-sies tal-Proċess ta’ Bologna u l-viżjoni għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla (European Higher Education Area) li fih, il-famuża Magna Charta Universitatum kienet iffirmata mir-retturi ta’ qrib 800 università f’Settembru tal-1988, u li kienet issostni żewġ prinċipji fundamentali; li tqis b’importanza strateġika l-awtonomija universitarja u, li jkun hemm rabta qawwija bejn it-tagħlim u r-riċerka f’università.
Għalhekk, fid-dawl tal-argumenti li l-Oppożizzjoni ppreżentat fil-Parlament sabiex il-Gvern jieqaf u jikkonsulta mal-istake holders kollha, l-istess bħalma kien isir taħt amminstrazzjoni Nazzjonalista, u eżatt kif sar fl-2012 meta bdiet topera l-NCHFE appuntu biex il-kwalità tal-edukazzjoni tkun assigurata għax din l-istituzzjoni hija/għandha tkun indipendenti mill-Gvern. Madankollu, illum ma jistax jingħad l-istess għaliex hija mmanipulata u mmanuvrata mill-Gvern innifsu tant li biex l-Oppożizzjoni tiltaqa’ maċ-Chairman tagħha, intalab il-permess tal-Ministru! Dik indipendenza awtonoma! Kien għalhekk li l-Kap, irrikonoxxa t-theddida għall-indipendenza u l-għarfien tal-NCHFE (Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla).
Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien biss l-aħħar sforz, l-aħħar battuta sabiex l-edukazzjoni żżomm il-livell li jixirqilha, diksors ibbażat fuq il-loġika u s-serjetà ta’ Partit li dejjem amministra l-edukazzjoni senza interessi politiċi, għax l-edukazzjoni ma għandux ikollha kulur partiġġjan imma għandha sservi sabiex il-ġenerazzjonijiet li telgħin ikollhom opportunità javvanzaw ‘il quddiem u jnaqqsu dejjem id-dipendenza fuq il-politikanti u jimirħu għal rashom.
//= $special ?>