L-Air Malta ħabbret li se tkun qed iżżid l-ikel għal waqt it-titjiriet tagħha u issa se jkun hemm firxa ġdida ta’ prodotti li wieħed jista’ jixtri abbord. Iżda dan l-ikel se jkun disponibbli biss jekk se tħallas.
Sa’ ftit ilu, passiġġieri fil-klassi ‘economy’ kienu jingħataw ikla sħuna u kompluta. Element li kien ipoġġi l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija fuq l-istess livell ta’ linji tal-ajru oħra. Iżda xi xhur ilu, l-Air Malta ħabbret li kellha bżonn tiffranka l-flus, u allura neħħiet l-ikla sħuna. Minflok, beda jiġi offrut bezzun żgħir u flixkun żgħir ilmna.
Ritratt: il-bezzun li l-passiġġiera ‘economy’ qed jingħataw minflok l-ikla sħuna ta’ qabel. Issa l-ikel sħun irid jitħallas.
L-ikel ġdid li se tibda toffri l-Air Malta mill-1 t’Awissu se jkun parti minn ‘Sky Bar Menu’. Skont l-Air Malta, ġew introdotti ditti ġodda ta’ kwalita’ biex ikun hemm għażla aħjar, inkluż varjeta’ ta’ tejiet, ħelu u xi għażliet ta’ ikel sħun.
Aktar minn hekk, l-Air Malta ħabbret li l-iSky Bar Menu se jibda jiġi rivedut kull staġun u dan se jagħti l-linja tal-ajru l-opportunita’ sabiex tisma’ x’jaħsbu l-klijenti.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li din l-inizjattiva hi parti minn sensiela ta’ proġetti li l-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qed tniedi fil-ġimgħat li ġejjin. L-aħħar żvilupp b’rabta mal-Air Malta kien dwar il-fatt li fuq it-titjiriet tal-linja nazzjonali tal-ajru se jibda jiġi offrut servizz b’xejn ta’ spa għall-passiġġiera.
Ftit jiem ilu MaltaRightNow.com kiseb konferma li dan is-servizz se jkun qed jingħata mill-kumpanija tal-eks kandidata Laburista Marion Mizzi. MaltaRightNow.com kien kiseb konferma li ma saret l-ebda sejħa għall-interess biex jingħata dan is-servizz b’xejn abbord it-titjiriet tal-Air Malta.
//= $special ?>