Lokali

L-Ewropej jqisu l-immigrazzjoni bħala l-aktar sfida importanti għall-UE

Għadd akbar ta’ ċittadini Ewropej jgħidu li għandhom immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea u min-Novermbru li għadda ‘l hawn żdiedet il-fiduċja fl-UE. Barra minn hekk, iċ-ċittadini jqisu l-immigrazzjoni bħala l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-UE bħalissa.
Dawn huma wħud mir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard li ġew ippubblikati llum. L-istħarriġ sar bejn is-16 u s-27 ta’ Mejju 2015 f’34 pajjiż jew territorju. L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2015 huwa t-tieni stħarriġ tal-opinjoni pubblika minn madwar l-UE minn mindu bdiet il-mandat tagħha l-Kummissjoni ta’ Juncker fl-1 ta’ Novembru 2014. Dan l-istħarriġ sar permezz ta’ intervisti wiċċ imb’wiċċ, bejn is-16 u s-27 ta’ Mejju 2015. B’kollox ġew intervistati 31,868 persuna madwar l-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati.
L-immigrazzjoni titqies bħala l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-UE fejn għaċ-ċittadini, li ġew mistoqsija dwar l-akbar tħassib tagħhom, l-immigrazzjoni issa tinsab fuq quddiem nett fost l-aktar suġġetti diskussi fil-livell tal-UE. Bi 38 % , żieda ta’ 14-il punt.
L-immigrazzjoni issa tissemma ferm aktar mis-sitwazzjoni ekonomika – b’27 %, u tnaqqis ta’ 6 punti, il-qgħad b’24 % u tnaqqis ta’ 5 punti) u l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri bi23 % u tnaqqis ta’ 2 punti. Huwa l-aktar tħassib komuni u frekwenti f’20 Stat Membru u jilħaq l-ogħla livelli f’Malta b’65% u fil-Ġermanja b’55%. Minn Novembru 2014, żdied ukoll konsiderevolment it-tħassib dwar it-terroriżmu fil-livell tal-UE bi 17 % u żieda ta’ 6 punti.
Dwar l-appoġġ għall-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li bħal fl-istħarriġ preċedenti ta’ Novembru 2014, iċ-ċittadini japprovaw b’mod qawwi l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-President Juncker. Rigward l-investiment fl-UE, 59 % tal-Ewropej jaqblu li l-flejjes pubbliċi għandhom jintużaw biex jistimolaw l-investiment tas-settur privat fil-livell tal-UE waqt li dwar l-enerġija, 72 % tal-Ewropej huma favur politika komuni dwar l-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej iqisu lis-suq uniku – il-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi fl-UE – bħala l-aktar kisba pożittiva tal-UE b’57 %, kważi daqs il-paċi fost l-Istati Membri b’55 %. Rigward il-kwistjoni tal-migrazzjoni, 73 % tal-Ewropej jiddikjaraw li huma favur politika komuni Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej, jew51 %, għandhom opinjoni pożittiva rigward il-migrazzjoni ta’ persuni minn Stati Membri oħra tal-UE. Madankollu, 56 % għandhom idea negattiva dwar l-immigrazzjoni ta’ persuni minn barra l-UE.
Iċ-ċittadini għadhom ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE. 58 % b’żieda ta’ 2 punti tal-Ewropej jgħidu li huma ottimisti, filwaqt li 36 % u tnaqqis ta’ punt jgħidu li jħossuhom pessimisti. Jirriżulta li l-immaġni tal-UE tkompli titjieb fejn l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom immaġni pożittiva tal-UE żdied minn 39 % f’Novembru li għadda għal 41 % f’Mejju 2015, filwaqt li 38 % għandhom immaġni newtrali u 19 % għandhom immaġni negattiva, li jfisser tnaqqis minn 22 % f’Novembru u 25 % f’Ġunju 2014.
L-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea żdied ukoll għal 40 %, żieda ta’ 3 punti perċentwali minn Novembru 2014 u 9 punti perċentwali mill-elezzjonijiet tal-2014 tal-Parlament Ewropew. Il-livell medju ta’ fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali żdied xi ftit ukoll għal 31 %, żieda ta’ 2 punti) L-għadd ta’ ċittadini li jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE laħaq it-42 % żieda ta’ 2 punti, u dan jikkonferma l-livell massimu fuq 10 snin osservat wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2014.
L-aspettattivi għall-ekonomija jitjiebu u l-appoġġ għall-ewro jibqa’ stabbli fejn rigward l-ekonomija, l-aspettattivi tal-Ewropej għas-sitwazzjoni ekonomika nazzjonali għadhom pjuttost stabbli, b’aktar minn wieħed minn kull erbgħa minnhom b’26 %, żieda ta’ 4 punti jgħidu li huma ottimisti dwar it-tnax-il xahar li ġejjin, filwaqt li 48 % jistennew li s-sitwazzjoni tibqa’ l-istess. L-aspettattivi pessimisti naqsu b’mod drastiku u laħqu l-21 % tnaqqis ta’ 7 punti. L-għadd ta’ Ewropej li jaħsbu li l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi diġà laħaq l-ogħla livell tiegħu bi 48 % u żieda ta’ 4 punti issa jaqbeż biċ-ċar lil dawk li jaħsbu li “l-agħar għadu ġej” bi 42 % nu tnaqqis ta’ 4 punti.
L-opinjoni pożittiva dwar l-ewro għadha stabbli; 57 % fl-UE b’mod ġenerali, 69 % fiż-żona tal-ewro. L-appoġġ għall-munita unika żdied f’14-il Stat Membru, bl-aktar mod sorprendenti fil-Litwanja bi 73 % u żieda ta’ 10 punti li ssieħbet fiż-żona tal-ewro fl-1 ta’ Jannar 2015, u fil-Greċja, fejn 69 % – żieda ta’ 6 punti – tal-Griegi jgħidu li huma favur l-ewro