Uffiċjali ewlenin fl-Awstralja qablu li hemm probabbiltà kbira li t-tifrik li nstab jiem ilu fuq il-Gżira Reunion, fl-Oċean Indjan, hu tal-ajruplan Boeing tal-Malaysia Airlines li għeb f’Marzu tal-2014 waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn Beijing, fiċ-Ċina.
Il-Viċi Prim Ministru Awstraljan, Warren Truss, li għandu wkoll responsabbiltà għat-trasport u l-infrastruttura, qal li jeżistu provi qawwija li jissuġġerixxu li l-fdalijiet li nstabu fuq Reunion huma tal-ajruplan inkwistjoni, tat-tip Boeing 777.
Min-naħa tiegħu, Martin Dolan, li qed imexxi l-impenji tal-Awstralja fit-tfittxija għat-Titjira MH370 tal-Malaysian Airlines, sostna li din it-tfittxija qed tkompli fiz-zona t-tajba fl-inħawi lejn in-Nofsinhar tal-Oċean Indjan.
Fil-ġurnata meta għeb, l-ajruplan Boeing 777 kien qed iġorr 239 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ. Intant, l-awtoritajiet fil-Malasja, f’Jannar li għadda, kienu ddikjaraw li qed iqisu lin-nies kollha abbord bħala mejtin.
Is-sejba ta’ din il-parti, li tista’ tkun tassew sinifikanti, saret madwar 4,000 kilometru ’l bogħod miz-zona fejn jaħsbu li ġġarraf l-ajruplan. Martin Dolan, intant, jinsab fiduċjuż li l-iskwadri inkarigati għandhom biżżejjed biex jiċċirkolaw maz-zona u jsibu l-Boeing li ilu nieqes għal daqstant xhur.
Dolan, li jmexxi l-Bureau għas-Sigurtà tat-Trasport Awstraljan, ukoll jemmen li l-fdalijiet li nstabu huma assoċjati mal-Boeing li għeb f’Marzu tal-2014. Madankollu hu qal li s-sejba m’għandhiex tindika l-post eżatt fejn niżel l-ajruplan Malasjan.
Il-biċċiet li nstabu nhar l-Erbgħa fuq il-Gżira Reunion u li jingħad li huma parti minn ġewnaħ ta’ ajruplan, issa ttieħdu lejn Toulouse, fi Franza, għal analiżi speċifika.
F’Toulouse hemm l-eqreb uffiċċju tal-entità Franċiża BEA li hi responsabbli għall-investigazzjonijiet dwar l-inċidenti tal-ajru. L-istampa Franċiża kkwotat li l-parti inkwistjoni (twila madwar żewġ metri) se tkun eżaminata mill-esperti l-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>