Lokali

Rabtiet perikolużi bejn Kastilja-Gaffarena-Zammit

Ir-Rapport tal-Inkjesta mill-eks Imħallef Michael Mallia kkonfermat li hemm rabtiet perikolużi bejn Kastilja, il-Familja Gaffarena u l-Familja Zammit. Sostnew dan, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Bepope Fenech Adami u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema fakkru li l-Inkjesta tal-Imħallef Mallia saret biss wara li l-Partit Nazzjonalista kien insista li ssir investigazzjoni dwar l-istejjer li kienu qed ifeġġu fil-media indipendenti, wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu baqgħu siekta għal diversi jiem bit-tama li l-istejjer jitmewtu.

L-Inkjesta ppubblikata lbieraħ ikkonfermat dak kollu li kien qed jiġi allegat, jiġifieri li l-Familja Zammit għandha rabta ta’ negozju intensa ħafna mal-Familja Gaffarena; u li Daniel Zammit kien sa ftit tal-ġimgħat ilu Prosekutur f’każ ta’ omiċidju li fih l-akkużat hu r-raġel ta’ bint Gaffarena, fejn hu evidenti li r-rabtiet bejn Zammit u Gaffarena ppreġudikaw serjament il-proċeduri kriminali.

Fl-Inkjesta ġie nnotat ukoll li l-aħwa Zammit, waqt li kienu u fil-każ ta’ Roderick Zammit għadu membru tal-Korp tal-Pulizija, daħlu f’negozju ma’ negozjant deskritt fl-Inkjesta bħala “karattru dubjuż b’fedina penali dubjuża”. Fil-fatt, l-Inkjesta kkonkludiet li l-aġir tal-aħwa Zammit u missierhom Ray ma kienx korrett, tant li ssuġerixxiet passi li għandhom jittieħdu kontra tagħhom.

Dwar ir-rabta Kastilja-Gaffarena-Zammit, ingħad li wara din l-Inkjesta ħarġu biċ-ċar il-fatti li l-Oppożizzjoni ilha titkellem dwarhom, fosthom li l-Familja Gaffarena hi l-familja li saret miljunarja mil-lejl għan-nhar bil-barka ta’ Muscat u tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, kif ukoll li Daniel Zammit ġie boarded out mill-Korp tal-Pulizija bil-barka tal-Gvern ta’ Muscat u fi tlett ijiem ingħata job ta’ €60,000 mal-Enemalta … skandlu li nkixef mill-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Barra minhekk, Ray Zammit tpoġġa minn Muscat bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija u wera inkompetenza inkredibbli, li waslet għall-cover-up tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia. Wara, Ray Zammit tpoġġa bħala Aġent Direttur tal-Ħabs, fejn għadu sal-lum, u hu l-persuna li Muscat ħoloqlu post ġdid għalih bħala Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar bl-istess paga u perkaċċi li kellu bħala Kummissarju tal-Pulizija.