Lokali

Tieqaf is-seba’ karozza tal-linja fi ftit jiem fuq ir-rotta ta’ Ħad-Dingli

Għas-seba’ darba fi ftit jiem ir-residenti Dinglin spiċċaw jistennew tal-linja għalxejn hekk kif għal darb’oħra vettura oħra tal-linja waqfet.

Fir-ritratt li ttieħed għall-ħabta tat-15:00, tidher tal-linja wieqfa fil-venda prinċipali ta’ dan ir-raħal.

Iktar tard, persuni nfurmaw lil MaltaRightNow li waqfet ukoll karozza tal-linja bir-rotta 202, li minn San Ġiljan tmur Ħad-Dingli, fit-Telgħa tas-Saqqajja. B’hekk din hi t-tieni karozza tal-linja lejn Ħad-Dingli li waqfet fi ftit sigħat fl-istess ġurnata.

Intant ilbieraħ, il-Ħamis, vettura oħra tal-linja waqfet ftit bogħod mill-iskola primarja tal-lokal qabel it-20:00. Madankollu, sa mill-inqas sagħtejn wara, ix-xufier kien għadu jistenna li fil-post jasal mekkanik tal-kumpanija biex jgħinu.

Lejliet, l-Erbgħa, tal-linja fuq ir-rotta 52 li telqet mill-Belt Valletta fis-13:00 lejn Ħad-Dingli, waqet madwar nofs siegħa wara hekk kif din waslet is-Saqqajja. Jirriżulta li kif tela’ t-telgħa, ix-xufier induna li kellu ħsara fir-radiator u kellu jieqaf u jniżżel il-passiġġieri.

Fi tmiem il-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet imbagħad il-vettura li kienet qed topera r-rotta 52 tat-20:00 mill-Belt Valletta waqfet bi ħsara fil-batterija f’Ħal Qormi, hekk kif din kienet tiela’ t-telgħa minn Ħal Qormi lejn il-bypass ta’ bejn l-Imrieħel u l-Marsa.

F’dan il-każ ukoll ix-xufier għamel sigħat jistenna mekkanik tal-kumpanija għax dawn kienu qed isewwu vettura oħra fix-Xemxija u ma setax jintbagħat ħaddieħor.

5

U fit-22 ta’ Lulju li għadda, persuni li kienu qed jistennew tal-linja tal-11:00 fuq ir-rotta 52 qattgħu siegħa fil-venda għax ġew infurmati li l-karozza tal-linja waqfet nofs triq u m’hemmx oħra biex tinbidel.

Dawn huma biss l-episodji li waslu għand MaltaRightNow dwar ir-rotti lejn Ħad-Dingli u mhux eskluż li seħħew episodji oħra simili.