Internazzjonali

Tilqima kontra l-Ebola ħalliet impressjoni tajba

Tilqima partikulari kontra l-virus qattiel tal-Ebola pprovdiet protezzjoni ‘mija fil-mija’ u tista’ tittrasforma l-mod kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed jikkonfrontaw din il-marda.

Dan skont ma jissuġġerixxu r-riżultati preliminari, fl-istess waqt li ma kien hemm l-ebda mediċina jew tilqim stabbiliti kontra l-virus ladarba feġġet l-akbar epidemija tal-Ebola fl-istorja, li l-ewwel traċċi tagħha kienu kkonfermati fil-Guinea, f’Diċembru tal-2013.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-iżviluppi, li kienu ppubblikati fil-Lancet, kapaċi jibdlu s-sitwazzjoni fil-konfront tal-Ebola, u l-esperti qed jirreferu għar-riżultati tal-provi preliminari bħala straordinarji.

Il-provi kienu bbażati fuq it-tilqima VSV-EBOV li bdietha l-Aġenzija tas-Saħħa Pubblika tal-Kanada u li kienet żviluppata mill-kumpanija tal-farmaċewtika Merck.

F’dawn il-provi, kien hemm taħlita ta’ element tal-Ebola ma’ virus ieħor anqas perikoluż bl-iskop li s-sistema immunitarja tal-ġisem tkun programmata biex tegħleb l-Ebola. Sadanittant, saret prova klinika unika fil-Guinea fejn kienu identifikati mal-100 pazjent, bejn April u dan ix-xahar.