Internazzjonali

Tsipras jegħleb lir-ribelli tas-Syriza li jopponu l-bailout tal-Greċja

Il-Prim Ministru Grieg u l-Kap tal-Partit Syriza, Alexis Tsipras, għeleb l-isforzi tad-dissidenti fil-partit tiegħu li riedu li l-Greċja twaqqaf it-taħditiet dwar il-bailout u ma tiffurmax aktar parti miz-zona ewro.

Il-kumitat ċentrali tal-Partit Syriza li qed jiggverna l-Greċja appoġġja l-proposta ta’ Tsipras biex issir konferenza tal-partit urġenti f’Settembru, ladarba l-pajjiż jikkonkludi l-imsemmija taħditiet. Ir-ribelli fi ħdan Syriza kienu insistew biex il-konferenza ssir qabel, waqt li wettqu pressjoni fuq il-Gvern ta’ Tsipras biex jirtira min-negozjati mal-kredituri internazzjonali tal-Greċja.

Id-deċiżjoni segwiet laqgħa drammatika ta’ 12-il siegħa mill-kumitat ċentrali ta’ Syriza magħmul minn 200 membru, fejn ir-ribelli tal-partit appellaw biex il-Greċja tirritorna għad-drachma; li ftit tas-snin ilu kienet il-munita nazzjonali.

Din id-deċiżjoni waslet sigħat qabel kellu jibda round ewlieni ta’ negozjati f’Ateni, bi żjara programmata lill-Ministeru tal-Finanzi Grieg min-negozjaturi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbiltà (ESM).

Alexis Tsipras, effettivament, tilef il-maġġoranza tiegħu fil-Parlament waqt vot li ttieħed tliet ġimgħat ilu, meta mal-25 fil-mija tad-deputati ta’ Syriza kienu rrifjutaw li jappoġġjaw il-miżuri tal-awsterità ġodda għall-Greċja.

Kellhom ikunu l-partiti tal-Oppożizzjoni, li huma favur l-Unjoni Ewropea, li salvaw l-abbozz għar-riformi u dawn għadhom qed iservu ta’ forċina għall-Gvern ta’ Tsipras.

Min-naħa tiegħu, Tsipras qal li d-deputati ta’ Syriza jridu jaqblu li ma jistgħux ikomplu għaddejjin b’din is-sitwazzjoni u fisser iċ-ċirkostanzi fi ħdan il-partit bħala assurdi.