Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, ma jridx jgħid min huma l-impjegati li daħħal hu u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne fil-Ministeru tas-Saħħa.
Fil-Parlament, dan l-aħħar il-Ministru Konrad Mizzi reġa’ ma weġibx għal dak li tkun qed titlob l-Opppożizzjoni, din id-darba dwar is-Segretarjat tas-Saħħa li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, staqsiet lill-Ministru Konrad Mizzi jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa, Chris Fearne. Intalab ukoll jgħid min huma dawn il-persuni, x’inhi l-pożizzjoni tagħhom u kemm hu s-salarju tagħhom.
Il-Ministru Konrad Mizzi ma wieġeb għall-ebda mistoqsija tax-Shadow Minister Caludette Buttigieg, u qal biss li jinsab infurmat li l-membri fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa huma skont kif stabbilit fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats.
Il-Ministru Mizzi għal darb’oħra fil-Parlament wieġeb għal dak li ma kienx mitlub mill-Oppożizzjoni. Tweġiba li ma tirrispondix il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, u li hu evidenti li ngħatat biex il-Ministru ma jgħidx min huma u kemm huma l-persuni fis-Segretarjat ta’ Chris Fearne u l-pożizzjoni u s-salarji tagħhom.
Wieġeb ukoll b’dak il-mod, u m’għażilx li jwieġeb billi jgħid li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra, għaliex ma jridx jagħti din l-informazzjoni u għaldqstant għażel li jwieġeb billi jgħid biss li l-impjiegi saru skont kif stabbilit dwar l-impjiegi fis-Segretarjati – risposta li l-Oppożizzjoni ma staqsitx għaliha.
//= $special ?>