Lokali

“Ġejt l-għalqa u sibt is-siġar imqaċċtin” – bidwi jitkellem dwar sfrakass fl-għalqa tiegħu

Bidwi li għandu biċċa art fil-Gudja, u li minnha jaqla’ parti mill-għixien tiegħu, tkellem ma’ MaltaRightNow.com dwar il-mod kif dalgħodu mar l-għalqa biex sab sfrakass b’numru ta’ siġar imqaċċtin madwar l-għalqa kollha.

Denis Catania, bidwi u missier ta’ żewġt itfal, jispjega kif kull siġra mqaċċta tħalli impatt negattiv fuq l-għixien tiegħu u tat-tfal tiegħu.

Denis jispjega li hu marbut li għal tlett xhur tas-sena  ma jkabbar xejn biex l-għalqa tkun tista’ tintuża biex jittella’ n-nar tal-festi fil-Gudja. Saħaq li madanakollu, s-siġar li hemm fl-għalqa qatt ma kienu ta’ xkiel biex jittella’ n-nar u dan ġie kkonfermat minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet li marru jispezzjonaw l-art wara rapporti li saru dwar xi siġar u kmamar illegali fuq din l-art agrikola.

Dwar dan l-att vandalu l-Pulizija ġew infurmati u għandhom jinvestigaw min seta’ wettaq dan l-att vandalu, li skont Denis Catania iwassal biex “issir biss ħsara lin-natura”.