Internazzjonali

Jinħatfu għalliema Indjani fil-Libja

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Indja qal li rnexxielu jikseb il-ħelsien ta’ tnejn fost erba’ għalliema Indjani li kienu sfaw maħtufa fil-limiti ta’ Sirte, fil-Libja.

L-erba’ Indjani huma għalliema tal-università u spiċċaw maħtufa waqt li kien qed iħejju biex imorru lura pajjiżhom. Intant, magħruf li l-grupp ISIS għandu preżenza qawwija fil-belt ta’ Sirte, fejn kien trabba l-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

Il-Libja ilha tegħreq fil-kaos mindu nqatel Gaddafi f’Ottubru tal-2011, bil-gruppi tal-milizzji qegħdin jikkumbattu bejniethom għall-poter.

L-awtoritajiet Indjani qalu li l-għalliema kienu qed jirritornaw lejn l-Indja ‘minn Tripli u Tunis’ meta żammewhom xi persuni fl-inħawi ta’ checkpoint. Ma ntqalx min seta’ ħataf lill-għalliema, fost rapporti li ‘dawn kienu ttieħdu lura fil-belt ta’ Sirte’.

Sadanittant, il-Ministeru Indjan għall-Affarijiet Barranin bagħat messaġġ fuq Twitter fejn spjega li ‘seta’ jeħles żewġ għalliema u li kien qed jipprova għall-ħelsien tat-tnejn l-oħra’.

L-għalliema inkwistjoni ġejjin mill-Istati Indjani ta’ Karnataka u Andhra Pradesh u kienu qed jaħdmu mal-Università ta’ Sirte.