Wara konsultazzjoni pubblika, l-Oppożzizzjoni tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha dwar ir-Riforma fil-Pensjonijiet
Il-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern mhumiex il-prijoritajiet tal-anzjani u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin, tant li l-anzjani għandhom bżonn ferm aktar biex ikunu jistgħu jlaħqu mal-ħajja u jgħixu ħajja diċenti li tant jixirqilhom. Fil-fatt, il-proposti fid-dokument tal-Gvern għar-riforma fil-pensjonijiet mhumiex biżżejjed biex l-anzjani jkollhom ħajja aħjar, u hemm bżonn li l-bżonnijiet tal-anzjani jiġu ndirizzati b’mod aktar dirett.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari u Shadow Ministertal-Finanzi Mario de Marco, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, u l-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar, li matulha l-Oppożizzjoni ppreżentant il-pożizzjoni tagħha dwar ir-riforma fil-pensjonijiet, wara li l-Gvern ħareġ dokument imħejji minn grupp apposta.
Paula Mifsud Bonnici qalet li ż-żieda fil-pensjoni minima nazzjonali fl-2016 m’għandiex tingħata biss lil dawk li jkollhom 76 sena. Spjegat li fil-proposti tal-Gvern teżisti diskriminazzjoni bejn dawk l-anzjani li għadhom ma għalqux is-76 sena, u dawk li għalquhom, għaliex filwaqt li dawk li għandhom 76 sena jew aktar se jieħdu żieda, l-oħrajn se jibqgħu b’xejn.
Dwar il-Pensjoni Minima Nazzjonali Garantita, Paula Mifsud Bonnici qalet ukoll li din mhix biżżejjed biex dawk li qed jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, joħroġu minn dak li hu magħruf bħala l-poverty line.
Min-naħa tiegħu il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u x-Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco tkellem dwar l-importanza li r-riforma fil-pensjonijiet trendi f’sistema sostenibbli, jiġifieri li l-pajjiż ikun jiflaħ l-impatt tas-sistema l-ġdida tal-pensjonijiet kif ukoll li s-sistema tkun ibbażata fuq l-adegwadezza, jiġifieri li l-pensjonijiet ikunu adegwati.
Dwar li ż-żieda fil-pensjoni minima nazzjonali se tingħata fl-2016 għal min għandu 76 sena biss u anzjani oħra se jitħallew jistennew, Mario de Marco saħaq li dan ikun pass diskriminatorju.
Min-naħa tiegħu il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familji, d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilita’ Robert Cutajar qal li l-interess tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li jkollha sehem attiv f’din ir-riforma, juri d-differenza bejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista preżenti u l-Oppożizzjoni preċedenti Laburista.
Saħaq li l-Partit Laburista għal numru ta’ snin kien assenti minn diskussjoni dwar il-pensjonijiet meta din kienet fuq l-aġenda tal-pajjiż u semma kif kien Gvern Nazzjonalista li ntroduċa klawżola fil-liġi li tgħid li s-sistema tal-pensjonijiet għandha tiġi riveduta kull ħames snin. Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet, Robert Cutajar tkellem fit-tul dwar xi tibdil li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tissuġerixxi għad-dokument li ħareġ il-Gvern dwar ir-riforma fil-pensjonijiet.
Tkellem ukoll dwar numru ta’ aspetti li jidher li jeżisti qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, u li jinsabu proposti fid-dokument tal-Gvern, fosthom li persuni li mhumiex fulltime u jaħdmu aktar minn parttime job wieħed, ikunu jistgħu jħallsu l-kontribuzzjonijiet fuq mhux aktar minn 40 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa, anke jekk jaħdmu ma’ aktar minn employer wieħed.
Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni tkellmu wkoll dwar il-pensjoni tat-tieni pilastru. Il-pensjoni tat-tieni pilastru tirreferi għal sistema fejn il-pensjoni tiġġemma’ mill-ħaddiem permezz ta’ kontribuzzjoni żgħira li jagħmel li tingħaqad ma’ kontribuzzjoni oħra li ssir minn min iħaddem.
Il-kelliema saħqu li ma jaqblux li l-Gvern għalaq il-bieb kompletament għal din it-tip ta’ pensjoni filwaqt li sostnew li għandu jkun hemm studju u diskussjoni dwar l-impatt ta’ pensjoni tat-tieni pilastru. Dan filwaqt li jibqgħu jingħataw l-inċentivi li jinkoraġixxu l-pensjoni tat-tielet pilastru, fejn l-individwi iġemmgħu għal pensjoni tagħhom stess permezz ta’ skemi differenti mal-privat.
Dwar l-introduzzjoni minn dan il-Gvern tatl-pensjonijiet tat-tielet pilastru, Mario de Marco qal li din is-sistema ma kenitx suċċess tant li minkejja l-introduzzjoni tagħha, ma hemm ebda informazzjoni aċċessibbli, tant li kull referenza għal din is-sistema hija sporadika, u in oltre, din is-sistema ma toffri ebda inċentiv fiskali li jinstiga persuni bi dħul tajjeb jinvesti fiha. Hu appella lill-Gvern biex jagħti inċentivi fiskali aktar b’sahhithom li jħajru aktar persuni jagħmlu dan l-investiment.
Waqt il-konferenza ġew preżentati wkoll numru ta’ suġġerimenti li ressqet l-Oppożizzjoni lill-Gvern dwar din ir-riforma wara diskussjoni mal-imsieħba soċjali u diversi entitajiet fil-pajjiż.
//= $special ?>