Kelliema għall-Ambaxxata tal-Arabja Sawdija fir-Renju Unit qalu li l-qraba tal-eks-Kap tal-Al-Qaeda, Osama bin Laden, tilfu ħajjithom fit-tiġrif ta’ ajruplan privat li kien seħħ il-Ġimgħa filgħaxija f’Hampshire.
L-ajruplan żgħir – tat-tip Embraer Phenom 300 –iġġarraf qrib l-Ajruport ta’ Blackbushe, viċin ta’ Surrey, fejn spiċċaw mietu l-pilota u t-tlett passiġġieri ta’ fuqu.
Ir-rapporti qalu li l-ajruplan, li kien qed jikkonkludi vjaġġ minn Milan, fl-Italja, baqa’ nieżel direttament ġo sit tal-‘British Car Auctions’, fl-istess zona tal-mitjar, fejn sploda f’ballun tan-nar. Filwaqt li kienu rrappurtati ‘diversi splużjonijiet’ mill-inħawi, ma weġġa ħadd fost in-nies li kienu fl-art fil-ħin tal-inċident.
Intant, il-Prinċep Mohammed bin Nawaf Al Saud, li hu l-Ambaxxatur Sawdi għar-Renju Unit, ħareġ stqarrija fejn bagħat il-kondoljanzi lill-familja Bin Laden.
Dan meta l-Ambaxxata Sawdija tinsab għaddejja ‘b’kuntatti’ mal-investigaturi Britanniċi li qed jindagaw dwar l-inċident. L-Ambaxxata anki qed taħdem mal-awtoritajiet fir-Renju Unit biex taċċerta t-trasferiment mill-aktar fis tal-katavri tal-vittmi lejn l-Arabja Sawdija fejn isirulhom il-funerali u ċ-ċerimonji tad-difna.
Jingħad li l-ajruplan li ġġarraf kien il-proprjetà ta’ kumpannija tal-avjazzjoni li qed tmexxi l-familja ta’ Osama bin Laden, li hi bbażata fl-Arabja Sawdija.
Osservaturi li raw l-inżul tal-ajruplan fil-limiti ta’ Surrey qalu li dan ma deherx javviċina l-mitjar b’mod normali, fost indikazzjonijiet li kien għaddej b’veloċità eżaġerata.
Sadanittant, il-Pulizija ta’ Hampshire qed tmexxi investigazzjoni konġunta mal-Air Accidents Investigations Branch (AAIB) waqt li qed tħeġġeġ biex jikkuntattjawhom kulmin jista’ għandu ritratti jew filmati tal-inċident.
L-Awtorità Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Arabja Sawdija, fl-istess ħin, sostniet li għandha tappoġġja lill-AAIB f’din l-investigazzjoni.
//= $special ?>