Għawdex Kultura Lokali

Tiġi mnedija t-tielet edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo f’konferenza stampa nieda it-tielet edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival fix-Xlendi. Għal darb oħra dan il-festival ser isir fil-bajja tax-Xlendi illum mis-7pm ‘il quddiem. Dan il-festival huwa okkażjoni unika fejn artisti stabbiliti ser ikunu jaħdmu skulturi fiċ-ċeramika fil-pubbliku u jesibixxu x-xogħol tagħhom f’wirjiet individwali.

Il-Ministru Refalo radd ħajr lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex għal darb’oħra Gozo Ceramics Festival ikun suċċess u awgura serata mill-iktar pjaċevoli f’wieħed mill-isbaħ postijiet tal-gżira. Il-Ministru Refalo qal li dan il-festival qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Munxar u l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Huwa tenna li din is-sena kif ġara fl-edizzjonijiet preċedenti, din l-attivita’ ser tattira numru kbir ta’ Għawdxin , Maltin u anke barranin li jkunu fil-gzira.

Joan Haber, li hija l-ko-ordinatriċi ta’ dan il-festival, tat ħarsa lejn il-program tas-serata u l-artisti li ser jkunu qegħdin jieħdu sehem. Uħud mill-attrazzjonijiet jinkludu animazzjoni għat-tfal, spazju fejn it-tfal jista’ jkollhom esperjenza hands on bit-tafal, throwing minn Michael Ciappara – li huwa wieħed mill-aktar Maltin kapaċi fis-sengħa tax-xogħol taċ-ċeramika fuq it-torn, kif ukoll John Giordmaina li ser jaħdem bis-sengħa antika tat-torn tas-saqajn. Fost l-artisti l-aktar stabbiliti, wieħed jista’ jara lil Sina Farrugia Micallef, Charles u Mario Sammut, Antoine Paul Camilleri, Victor Agius, Alfred Aquilina u Hermine Ann Sammut. Fuq il-moll ser ikun hemm esibizzjoni ta’ xogħolijet ta’ Paul Haber. Dan kollu ser iseħħ taħt l-atmosfera romantika tax-Xlendi, imdawwla bi fjakkolata li ssaħħrek u allegrata bil-mużika jazz tat-trio Godwin Lucas, Joe Micallef u Mark Galea kif ukoll ta’ Jes Psaila.